Justin Bieber jiftħilha dwar il-fama, l-użu tad-drogi u d-dipressjoni

Ritratt: Instagram

Justin Bieber dan l-aħħar stqarr f’kitba emozzjonali kif meta kien fl-għoxrinijiet sar l-aktar bniedem mibgħud fid-dinja grazzi għal bosta deċiżjonijiet ħżiena li ħa meta kien ta’ dik l-età.

Il-kantant, li nstab mill-maniġer tal-mużika Scooter Braun li kellu talent kbir meta kellu 13-il sena biss, ammetta li kien jieħu d-drogi u li abbuża mir-relazzjonijiet li kellu. Ammetta li ma kienx iġib ruħu sew, ma weriex rispett lejn in-nisa u kien dejjem irrabjat. Qal li kien tbiegħed minn dawk kollha li kienu jħobbuh u maż-żmien ħass li ma setax imexxi l-arloġġ lura.Il-kantant Kanadiż kien onest ħafna dwar l-inkwiet mentali li kien jgħaddi minnu. Skont hu,  il-bosta ftaħir li kien jaqla’ ma ħallewhx jara l-ħajja kif tassew inhi.

“Kont tifel ta’ 13-il sena minn belt żgħira fejn sibt ruħi mfaħħar bla waqfien mid-dinja kollha, b’miljuni jistqarru kemm kienu jħobbuni u xi stilla kont. Ta’ dik l-età malajr kibritli rasi fejn kulħadd beda jagħmel kollox għalija u b’hekk qatt ma tgħallimt l-anqas il-prinċipji bażi tar-responsabbiltà,” kiteb Justin Bieber.

Ta’ 18-il sena kellu l-miljuni bank u aċċess għal dak kollu li xtaq jagħmel imma ma kellux il-ħiliet meħtieġa biex jgħix fid-dinja reali. Ta’ 19-il sena ntefa’ għad-drogi u beda jabbuża minn dawk li kellu relazzjoni magħhom.

“Ħadt kull deċiżjoni ħażina li qatt stajt nieħu u nbilt minn wieħed li jħobbu kulħadd għal xi ħadd li kien l-aktar redikolat u mibgħud fid-dinja,” ammetta.
Imma bis-saħħa tal-fidi nisranija tiegħu u bl-appoġġ tal-ħbieb u tal-qraba, speċjalment ta’ martu Hailey Baldwin, irnexxielu jikseb lura ħajtu kif suppost hi. Justin Bieber, li hu nisrani ferventi, temm jikteb li Alla “berikni b’nies straordinarji li jħobbuni kif jien. Issa għaddej mill-aħjar żmien ta’ ħajti — iż-żwieġ.”