​Juri kompassjoni bħal ommu Diana

Il-prinċep William wera l-istess kompassjoni li kienet magħrufa għaliha ommu l-Prinċipessa Diana meta għannaq mara li salvat min-nirien li qerdu Grenfell Tower f’Londra.
Id-duka ta’ Cambridge injora l-protokoll rjali biex jgħannaq lil Fatima Jafari ta’ 78 li qed tfittex lil żewġha Ali Yawra.
Ir-raġel ta’ 82 għeb mindu nqabad f’lift waqt li kien qed jipprova jaħrab mill-bini, kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Il-mara bdiet tolfoq waqt li l-prinċep dawwar idejh magħha u qalilha li se jagħmel kull ma jista’ biex jgħin biex jinstab żewġha.
Din ix-xena kommoventi seħħet meta r-Reġina żaret il-vittmi qrib il-post tat-traġedja.
Voluntiera li qed jgħinu lil dawk li salvaw qalu li l-mara bdiet tirrepeti li għalkemm hi mhi ħadd speċjali, ir-reġina u r-re futur tal-pajjiż marru jarawha u wrew li jimpurtahom minnha.