Jurgen Klopp jista’ jkun it-tama ġdida għal Mario Balotelli

Il-plejer ta' Milan, Mario Balotelli jista' jerġa' jingħaqad ma' Liverpool fis-suq tat-trasferimenti matul dan ix-xahar.
Dan wara li l-aġent tiegħu qed jipprova jsib toroq ġodda li jistgħu jerġgħu iwasslu lill-plejer Taljan għall-mumenti feliċi fil-karriera.
Is-sena li għaddiet kienet waħda negattiva għal Balotelli wara li l-ewwel naqas milli jħalli l-impatt mixtieq mal-istess Liverpool imbagħad kompla jiddiżappunta mar-ritorn tiegħu ma' AC Milan.
Madankollu, wara li Liverpool biddlu l-kowċ u ħatru lil Jurgen Klopp, jidher li għal Balotelli reġgħa hemm xaqq ta' tama li jsib motivazzjoni ġdida li tgħinu joħroġ it-talenti tiegħu fuq il-pitch.
Sorsi qrib l-aġent ta' Balotelli qed jgħidu li l-istess aġent, Mino Raiola diġà kellu taħdidiet mill-qrib ma' Jurgen Klopp f'diversi trasferimenti fil-passat meta l-istess Klopp kien imexxi lil Borussia Dortmund.
Ir-relazzjoni professjonali bejn Klopp u Raiola mistennija tkun kruċjali biex it-trasferiment ta' Balotelli mill-ġdid ma' Liverpool, jirnexxi.