Jumejn oħra jitlaqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar Kunsill Ġenerali li mistenni jitlaqqa’ minn nhar it-Tnejn li ġej bit-tema Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha.

Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal li l-Kunsill Ġenerali se jibqa’ jiltaqa’ kuljum sal-Ħadd 25 ta’ Novembru, bl-għeluq tal-aħħar sessjoni ssir b’diskors mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Puli qal li l-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti dokument ta’ analiżi mħejji minn ekonomisti u tim speċjalizzat dwar viżjoni ekonomika għal Malta. Spjega li dawn qed jipproponu pjan fit-tul ibbażat fuq soċjetà li jimpurtaha.

Is-Segretarju Ġenerali qal li d-diskussjoni se tisvolġi dwar l-implikazzjoni tal-ekonomija fl-istess waqt li tħares lejn l-isfida għar-reputazzjoni għal Malta li skont Puli “qed tieħu daqqa ta’ ħarta lura”. Tkellem dwar l-implikazzjonijiet mill-investigazzjoni fuq Satabank u anki dwar dak żvelat dwar il-kumpanija 17 Black.

Dwar il-popolazzjoni, Puli qal li l-Gvern ħeba żball tiegħu stess meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ ċifri żbaljati. Qal li fl-2016, l-istatistika tal-Gvern uriet li hawn 440,000 persuna, mentri fil-verità kien hemm żball ta’ 20,000 fl-ammont ta’ persuni jgħixu f’Malta.

Stqarr li fl-aħħar ħames snin kien hawn żieda ta’ 53,000 persuna fil-popolazzjoni.