Read in English.
Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira se jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu mill-14 ta’ Mejju biex jibdew xogħlijiet strutturali u ta’ renovazzjoni. Dan tħabbar mill-Gvern ilbieraħ filgħaxija.
Fi stqarrija ġie spjegat li se jkun iffinanzjat parzjalment mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) f’Mejju tal-2019. Il-proġett mistenni jkun lest fl-2021.
Mill-15 ta’ Mejju, ir-residenti tal-Gżira u l-lokalitajiet tal-madwar li jinqdew minn dan iċ-Ċentru tas-Saħħa se jkunu jistgħu jirċievu numru ta’ servizzi minn sit temporanju li jinsab ftit passi ‘l bogħod mill-istess ċentru, fi Triq San Albert.
Is-sit temporanju jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd u se jżomm l-istess ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, filwaqt li s-servizzi li se jingħataw jinkludu:
- Is-servizz tat-tabib;
- Is-servizz tal-infermiera;
- Il-teħid tad-demm;
- Il-klinika tal-point of care;
- Il-klinika tar-reviżjoni tar-riżultati mediċi (sospiż temporanjament minħabba s-sitwazzjoni Covid-19);
- Il-klinika tad-dijabete (sospiż temporanjament minħabba s-sitwazzjoni Covid-19)
- It-treatment toom;
- Il-kura tal-feriti.
Is-servizzi l-oħra kollha li normalment ikunu disponibbli abbażi ta’ appuntament se jkunu disponibbli miċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana, ta’ Birkirkara u tal-Mosta. Il-Client Support Centre tal-Primary Healthcare se jkun qed jikkoordina dawn l-appuntament, u l-pazjenti se jkunu mgħarrfa bl-appuntament tagħhom permezz tat-telefon u ta’ SMS.
Jekk tixtieq aktar informazzjoni tista’ ċċempel lill-Client Support Centre tal-Primary Healthcare fuq 21231231 jew 21222444.