Jipprotestaw wara l-qtil ta’ għadd ta’ Nsara

Il-Konferenza Episkopali tan-Niġerja se torganizza Jum ta’ Protesta mal-pajjiż kollu fit-22 ta’ dan ix-xahar kontra l-attakki li r-raħħala Musulmani Falun qed ikompli jagħmlu bla waqfien fuq l-Insara, bl-aħħar attakk kien splużjoni fil-parroċċa kattolika tas-Salib Imqaddes fil-Lvant ta’ Enugu.
L-isplużjoni seħħet fis-5.40 am tal-Ħadd li għadda, ftit minuti biss qabel il-quddiesa tal-Ħadd tas-6am.
Il-Kappillan tal-Parroċċa, Fr Emmanuel Okwor qal li kien providenzjali li fil-ħin tal-isplużjoni ma kinitx għadha mtliet bin-nies.
L-Isqof Callistus Onaga appella lill-Gvern u lill-forzi tas-sigurtà biex ifittxu jagħmlu xi ħaġa malajr kemm jista’ jkun biex iwaqqfu dawn l-attakki.
Dan ma kienx l-ewwel attakk ta’ din ix-xorta.  Fl-24 ta’ April sar attakk fuq il-knisja kattolika ta’ San Injazju li fih inqatlu żewġ saċerdoti u 17-il parruċċan. Dan kien biss erbat ijiem wara l-qtil ta’ 10 Insara oħra minn idejn ir-raħħala Musulmani tal-Falun.
Il-Konferenza Episkopali tan-Niġerja qalet li l-Jum ta’ Protesta se jsir fil-jum li fih se jindifnu s-saċerdoti u l-Insara maqtula fl-aħħar attakk.
L-avviż tal-Jum ta’ Protesta nqara fil-knejjes kollha nhar il-Ħadd li għadda u fih intqal li l-Konferenza tat direttiva biex kull djoċesi fin-Niġerja torganizza dimostrazzjoni paċifika kontra l-qtil barbaru ta’ dawn is-saċerdoti u lajċi mir-raħħala Musulmani. L-Insara kollha u dawk kollha ta’ rieda tajba huma msejħa biex jipparteċipaw f’din il-protesta.
L-Arċisqof Alfred Adewale Martins ta’ Lagos iddeskriva l-attakki terroristiċi atroċi bħala “inċident ikrah li jfakkarna fin-nuqqas ta’ sigurtà fil-pajjiż u l-falliment min-naħa tal-Gvern biex jassigura l-ħajja u l-propjetà taċ-ċittadini tiegħu”.