Jum ta’ ferħ għall-Knisja fis-Sirja

Il-Knisja li reġgħet kienet konsagrata fis-Sirja

Nhar it-Tnejn li għadda kien jum ta’ festa għall-knisja ta’ Haret Saraya li tinsab fil-villaġġ ta’ Al-Husna fis-Sirja. Il-banda bdiet iddoqq bla waqfien minn kmieni.  Il-knisja li hi dedikata lill-Imqaddsa Marija, kellha dehra mill-isbaħ, misbuħa friska u diversi ikoni mlewwna.

“Reġgħu bnewha eżatt kif kienet qabel”, qal Nikolas Sawaf li hu l-Arċisqof Melikat Kattoliku ta’ Latakia. Il-Fondazzjoni Kattolika Aid to Church in Need (ACN) qed tgħin fil-bini mill-ġdid tal-istrutturi nsara fir-raħal, b’għotjiet li diġà qabżu il-€170,000.

Jihadisti jipprofanaw

Fl-2012 din il-Knisja kienet attakkat u maħruġa mill-Jihadisti li kienu qed jiddominaw l-inħawi. Kienu neħħew il-Kurċifiss, ipprofanaw ikoni qaddisa u farrku sfiguraw l-istatwi. Kienu kissru wkoll il-presbiterju u l-uffiċċju parrokkjali fejn saħansitra anke qaċċtu l-wires tal-elettriku minn mal-ħitan.

Imma eżatt seba’ snin wara – fil-festa tal-Esaltazzjoni tas-Salib – kien jum ta’ festa għal-insara ta’ din il-knisja żgħira li mtliet bil-fidili biex il-knisja reġgħet kienet konsagrata.  Għal din l-okkażżjoni kienu preżenti qassisin Kattoliċi u Ortodossi mill-inħawi.

Kienet ġurnata ta’ ferħ. Fil-bitħa ta’ quddiem il-Knisja b’folla ta’ nies ferħana quddiemu, il-Kor tal-Madonna ta Al Wadi kanta innijiet ta’ tama, paċi u maħfra filwaqt li tfakkru dawk li nqatlu, għebu jew kienu eżiljati minħabba l-gwerra.  Sar appell lill-insara biex jibqgħu sodi u ma jitilqux minn arthom.

Inġeddu l-qlub

“Issa li l-knisja hi rinnovata, irridu nirrinovaw qlubna”, ħeġġeġ lill-ġemgħa li attendiet għaċ-ċelebrazzjoni, Fr. Andrzej Halemba, Kap tat-Taqsima tal-Proġetti għal-Lvant Nofsani ta’ ACN. “Il-vjolenza kissritilna qalbna, firditna u ħafna minn ħutna kellhom jaħarbu. Issa hu ċ-ċans li nġeddu qlubna bl-imħabba t’Alla. Ejjew nitolbu għall-paċi fis-Sirja”.

L-ACN għenet mhux biss fir-restawr ta’ din il-knisja imma ħadmet ukoll biex issewweit il-ħsara fl-uffiċċju parrokkjali fejn żdiedu wkoll xi kmamar u ħwienet żgħar billi fil-qrib hemm l-attrazzjoni turistika ta Crac des Chevaliers, li dalwaqt terġa’ tibda tilqa’ l-viżitaturi.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, l-Arċisqof Saraf qal li: “Għalina l-Fondazzjoni Aid to Church in Need hi bħal Xmun minn Ċirene, għenitna nġorru s-salib”.