Jum San Valentinu għadda… imma l-ward baqa’ jinbiegħ

Minkejja li għadda jum San Valentinu, kienu bosta li llum marru jixtru xi warda jew tnejn mill-ħwienet tal-fjuri lokali. Hu mifhum li kien hemm min nesa, ma kellux ċans, jew inkella xtara warda biex iferraħ lill-persuna li jħobb.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ rappreżentanta ta’ Derek Garden Centre dwar il-bejgħ f’Jum San Valentinu, li kkonfermat li l-ward baqa’ jinbiegħ anke llum.
Spjegat kif tul il-ġimgħa li għaddiet, il-ħanut irnexxielu jbiegħ il-ward kollu fl-istokk, li kien jammonta għal 1,000 warda ħamra u 50 warda blu.
Ir-rappreżentanta qalet li nbiegħ numru daqshekk żgħir ta’ ward blu, għax kienet deċiżjoni tal-ħanut li jordna biss 50 fjura ta’ dan il-kulur. Ammettiet li kieku ġew ordnati aktar kienu jinbiegħu kollha xorta waħda.
Għaldaqstant qalet li mhux kulħadd għandu l-ward għal qalbu u kienu bosta dawk li xtraw fjuri oħra għall-maħbubin tagħhom. Il-fjuri kienu jinkludu l-ġilju, il-ġebra, il-qronfol u t-tulipani.
Filwaqt li saħqet li ħafna kitbu bosta messaġġi ħelwin ta’ mħabba mal-fjuri u l-bukketti, ma naqsux ir-rigali ta’ jum San Valentinu mibgħuta bħala ċajta.
Għandek xi ritratt ta’ jum San Valentinu li tixtieq taqsam mal-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt? Ibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt.