Ritratti: Jum li l-Vendriżi mhu se jinsew qatt

Ilbieraħ għall-Vendriżi kien jum li se jibqgħu jiftakru hekk kif laqgħu lura l-vara titulari ta’ Santa Venera fir-raħal li jġib isimha.
Għal din l-aħħar sena, din il-vara kienet għand Horace u ibnu Kevin Farrugia tal-Imdina, li ħolqu induratura ġdida għal din il-vara.
Is-sena li għaddiet, l-istess vara ttieħdet għand Alfred u Aaron Camilleri Cauchi għal xogħol ta’ restawr.
L-istatwa kienet inħadmet mill-artist Karmenu Mallia minn Ħal Qormi, imlaqqam Il-Lhudi, wara li fl-4 ta’ Settembru tal-1918 Santa Venera saret parroċċa.
Dan ma kienx l-ewwel xogħol ta’ restawr li sar fuq din il-vara. L-aħħar li ġiet irrestawrata kien fl-1983 bix-xogħol sar minn Emmanuel Zammit taż-Żejtun.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bieraħ bdew mill-Imdina, fejn għadd ta’ Vendriżi telgħu jilqgħu l-vara hekk kif ħarġet mill-maħżen ta’ Horace Farrugia.
Minn hemm il-vara mxiet lejn il-bieb tal-Imdina fejn il-Vendriżi nġabru quddiem il-vara għal ritratt li se jibqgħu jgħożżu.
Il-vara ttieħdet f’Misraħ Santa Venera, quddiem il-Knisja parrokjali l-antika. Hemm saret ċelebrazzjonji mmexxija mill-Provinċjali tal-Karmelitani, Patri Sandro Vella u ż-żewġ komunitajiet Karmelitani ta’ Santa Venera.
Wara l-kxif tal-vara, il-patrijiet Karmelitani, miż-żewġ komunitajiet, fosthom il-kappillan Patri Maurice Abela O.Carm, żejnu l-istatwa bil-kuruna, ir-raġġiera u s-salib u l-palma, simbolu tal-martri.
Minn hemm il-vara ttieħdet f’purċissjoni lejn il-knisja parrokjali li matul din il-ġimgħa se tiċċelebra l-festa titulari ta’ Santa Venera, bil-festi jilħqu l-qofol tagħhom f’dan tmiem il-ġimgħa.
Iżda, il-festi mhux se jispiċċaw hawn, hekk kif is-sena d-dieħla din il-parroċċa se tkun qed tfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha.