“Jum l-Omm kiseb sinjfikanza ġdida bl-emendi fil-liġi tal-embrijun”

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-ġurnata tal-lum, jiġifieri Jum l-Omm, qed tikseb sinjifikanza ġdida minħabba l-emendi proposti mill-Partit Laburista fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Huwa u jitkellem waqt attività tal-PL f’tas-Sliema, Dr Muscat irrimarka li dan il-jum il-partit ilu jiċċelebrah mhux illum biss, imma fl-aħħar xhur fil-Parlament u l-istituzzjonijiet l-oħra mindu l-grupp parlamentari tal-PL qabel dwar l-emendi u ppreżentahom.
Sostna li dawn l-emendi huma biss opportunità biex aktar nisa u ommijiet ikollhom it-tfal, li llum bil-mezzi li hemm u l-liġi ma jistgħux jagħmlu dan.
Sostna li l-unika problema ta’ dawn in-nisa hi li twieldu f’Malta u minħabba l-liġi ma jistgħux ikollhom tfal, jew ikollhom isiefru u jonfqu ħafna flus.
Qal li b’dawn l-emendi l-PL irid imur lil hinn mis-sempliċi kartolina jew bukkett fjuri f’Jum l-Omm.
Il-PM ta d-dettalji dwar xi jkollhom bżonn jagħmlu familji u ommijiet biex ikollhom it-tfal bil-liġi kif inhi bħalissa minħabba l-fatt li ma tipprovdix iċ-ċans għall-iffiriżar fit-tul. Hawnhekk staqsa kif jista’ jkun li bl-emenda l-ġdida dwar l-iffriżar l-omm ma terġax tmur lura għall-embrijun iffriżat tagħha.
“Għin ruħek ħalli Alla jgħinek” – iwieġeb lil Busuttil
Il-Prim Ministru ddeskriva l-kumment tad-Deputat Nazzjonalista, Simon Busuttil, meta aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra qal fil-Parlament li l-bniedem mhuwiex Alla, u li jekk in-natura ma tippermettilekx ċerti affarijiet trid toqgħod.
Dr Muscat iddeskriva dal-kumment bħala “insensittiv”, u qal li hu jaf bil-qawl, ‘Għin ruħek ħalli Alla jgħinek’.
Għadda biex semma każ ta’ ġenitur li qaltlu li l-iskola lit-tfal qalulhom li “Joseph Muscat se jsakkar lit-trabi fil-friża.”
L-akkomodazzjoni soċjali
Il-PM tkellem ukoll dwar dak li qal il-ġimgħa l-oħra fuq l-akkomodazzjonijiet tal-Gvern.
Iċċara li kien qed jitkellem dwar il-binjiet li se jibni dal-Gvern, meta qal li l-kultura li appartament tal-Gvern jibqa’ għandek għal dejjem. Dawk li akkwistaw wieħed fil-passat mhux se jiġu affettwati.
Trump u l-Iran, u kif jaffettwaw il-prezz tad-dawl u l-ilma
Tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni ta’ Donald Trump li joħroġ lill-Istati Uniti mill-ftehim nukleari mal-Iran. Dr Muscat qal li ħadd ma tkellem dwaru f’Malta.
Sostna li se jaffettwa lill-klassi tan-nofs u ’l-anzjani kollha ta’ madwar id0-dinja, għax fl-aħħar jiem il-prezz taż-żejt sploda minħabba f’hekk.
Hawnhekk Dr Muscat qal li f’Malta ħadd mhu inkwetat dwar dan għax il-ftehim li kien sar mill-Gvern sar apposta fit-tul biex jevita eventwalitajiet simili.
Dr Muscat għadda dawn il-kummenti dwar il-pjan tal-enerġija tal-PL fid-dawl tal-allegazzjonijiet minn The Daphne Project, jiġifieri li l-Gvern attwalment qed iħallas ħafna aktar għall-gass li ntrabat li jixtri mingħand il-kumpanija tal-Ażerbajġan, is-Socar, għall-10 snin li ġejjin.
Il-konsorzju ta’ ġurnalisti rrapporta li l-Gvern ma qalx fil-kuntratt li s-Socar tixtri l-gass mingħand ix-Shell bl-irħis, u tbigħu lil Malta b’ogħla.