Jum l-Ewropa: “L-irwol tal-Unjoni Ewropea huwa kruċjali aktar minn qatt qabel”

Protest outside the Houses of Parliament in London
REUTERS/Toby Melville

Read in English.

Illum, waqt li l-Unjoni Ewropea tiċċelebra Jum l-Ewropa b’mod virtwali minħabba l-imxija tal-coronavirus, l-irwol tal-Unjoni Ewropea huwa kruċjali aktar minn qatt qabel.

Dan intqal fid-dikjarazzjoni tal-Presidenti li timmarka ċ-ċelebrazzjoni tas-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman. Din waslet fi żmien meta l-Ewropa qed tiffaċċja l-aktar sfida diffiċli tagħha minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija: kriżi tas-saħħa, ekonomika u soċjali skattata mit-tifqigħa tal-Covid-19.

F’din id-dikjarazzjoni ġie spjegat li d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman ta’ 70 sena ilu, li qiegħdet il-pedamenti tal-Unjoni Ewropea, bdiet proġett politiku uniku u ġenwin biex tiggarantixxi l-paċi u l-prosperità u biex ittejjeb il-ħajjiet taċ-ċittadini kollha Ewropej.

Din id-dikjarazzjoni kellha l-ħsieb li tinbena komunità politika u ekonomika, ibbażata fuq il-valuri li jirriżultaw mill-istorja Ewropea komuni, bħas-solidarjetà, it-trasparenza, il-libertà, it-tolleranza, l-ugwaljanza fid-diversità u r-rispett lejn l-istat tad-dritt.

🇪🇺 70 years after Robert Schuman signed the document that would unite Europe after two bitter World Wars, the continent…

Posted by European Parliament in Malta / Il-Parlament Ewropew f'Malta on Friday, May 8, 2020

Jean Monnet, l-awtur tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, iddikjara li “il-persuni ma jinbidlux jekk mhux għal bżonn, u huma jħossu l-bżonn biss fi żminijiet ta’ kriżi.” Kull kriżi, tgħid id-dikjarazzjoni tal-Presidenti, hija opportunità biex isir pass ‘il quddiem. Bl-istess mod, il-kriżi attwali tintensifika l-urġenza għall-Unjoni Ewropea li tibda taħdem dwar kif issir aktar effettiva, demokratika u eqreb taċ-ċittadini. Matul l-aħħar 70 sena d-dinja nbidlet b’mod drammatiku u l-irwol tal-Unjoni Ewropea huwa kruċjali aktar minn qatt qabel.

Jum l-Ewropa ċċelebrat virtwalment

Minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, l-avveniment annwali ‘bibien miftuħa’ tal-istituzzjonijiet Ewropej, li kull sena jilqa’ eluf ta’ ċittadini fil-bini tal-Parlament Ewropew, inbidel f’jum miftuħ virtwali. Serje ta’ avvenimenti u wirjiet online huma organizzati msejsa fuq it-tema tas-solidarjetà u l-azzjoni tal-UE biex tiġi affrontata l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha.

Punt ewlieni tal-ġurnata se tkun il-laqgħa nhar is-Sibt filgħodu bejn il-President Sassoli u organizzazzjonijiet li jaħdmu għas-solidarjetà fl-Ewropa. Bit-titlu “Il-kuraġġ biex naġixxu: il-lezzjoni ta’ Schuman 70 sena wara”, il-President se jagħti l-kelma lil firxa ta’ organizzazzjonijiet li qed jaħdmu fuq quddiem biex jindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi. L-avveniment ser jiġi interpretat b’mod simultanju fi 8 lingwi.

Aktar tard filgħodu, iż-żewġ viċi presidenti għall-komunikazzjoni, Othmar Karas u Katerina Barley, se jipparteċipaw f’dibattitu live, miftuħ għall-mistoqsijiet mill-pubbliku, u se jkun hemm dikjarazzjonijiet bil-filmat mill-biċċa l-kbira tal-presidenti tal-gruppi politiċi.

Bosta presidenti tal-kumitati se jwieġbu wkoll mistoqsijiet dwar ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-Covid-19. 

Segwi l-avveniment fuq Facebook li se jseħħ matul il-ġurnata kollha u żur is-sit tal-Parlament Ewropew. L-avvenimenti jistgħu wkoll jiġu segwiti fuq il-paġna tal-Facebook tal-Parlament Ewropew f’Malta li se tinkludi Facebook live #EwropejKontraCovid19 man-Netwerk tal-Istudenti tal-Erasmus Malta u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, f’ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa mid-dar minflok l-avvenimenti li s-soltu nagħmlu fil-Belt ta’ Valletta, il-kampus tal-Università, u bnadi oħra flimkien mar-Rappreżentanza tal-KE.

Il-PN jfakkar Jum l-Ewropa

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jingħaqad mad-diversi partiti Ewropej sabiex ifakkar u fl-istess ħin jifraħ f’Jum l-Ewropa.

“Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li mertu tal-mexxejja tiegħu pajjiżna huwa llum membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Membru li għandu s-saħħa ta’ vuċi fil-kapitlu daqs l-oħrajn u li għandu d-dmir li jħaddem. Pajjiżna ġid ħa minn din id-deċiżjoni. Propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella sabiex il-Gvern flok jaqa’ għat-tentazzjoni li jippermetti li jkun hemm messaġġi politiċi anti-Ewropej minflok iħaddem sewwa d-drittijiet u d-dmirijiet li għandu,” qal il-PN.