Aġġornata: Jum l-Ewropa bis-saħħa tal-faħam u l-azzar

Ħafna jafu li llum qed niċċelebraw Jum l-Ewropa, iżda x’inhu dan il-jum u għaliex niċċelebrawh?
Id-9 ta’ Mejju jikkommemora jum importanti fl-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, il-jum li fih fl-1950 kienet ippreżentata d-Dikjarazzjoni Schuman mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien, Robert Schuman innifsu.
Din id-dikjarazzjoni pproponiet il-ħolqien ta’ Komunità Ewropea għall-Faħam u l-Azzar, dik il-komunità li ftit snin wara kellha tinbidel fl-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.
Ċelebrazzjoni fil-Belt Valletta
Jum l-Ewropa 2018 ġie ċċelebrat fil-Belt Valletta b’attività organizzata mill-MEUSAC fejn numru ta’ aġenziji Ewropej għaddew informazzjoni lin-nies deħlin fil-kapitali Maltija dwar id-drittijiet Ewropej, is-servizzi offruti liċ-ċittadini, dwar il-fondi Ewropej kif ukoll opportunitajiet ta’ xogħol fl-Unjoni Ewropea, fost affarijiet oħrajn.
Dibattitu fl-Università: Preżenti Alfred Sant u Roberta Metsola
Illum waranofsinhar sar ukoll dibattitu fl-Università ta' Malta, fejn l-Ewroparlamentari Alfred Sant u Roberta Metsola wieġbu l-mistoqsijiet tal-istudenti 
Alfred Sant stqarr li l-Ewropa mhix biss trattati u liġijiet, imma spazju kulturali għal kulħadd, li jiġi rifless fl-arti u l-letteratura. 
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola osservat li t-trattati jfakkruna minn fejn ġiet l-Ewropa tal-lum, il-valuri li ngħożżu u dawk li l-Ewropej m'għandhom qatt iwarrbu.
Id-dibattitu kien organizzat minn JEF Malta b'kollaborazzjoni mal-Europe Direct Information Centre, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta.
Ġimgħa ilu Malta għalqet 14-il sena fl-UE
Fl-1 ta' Mejju ta' 14-il sena ilu, is-swar tal-Forti Sant Anġlu raw imkaħħla magħhom mhux Torok jassedjaw imma dehriet spettakolari awdjoviżivi li kienu qed iħabbru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 
Il-vjaġġ li kien inbeda formalment fl-1990 meta dak li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Prof. Guido de Marco kien issottometta l-applikazzjoni.
Tliet snin wara fl-1993, l-UE kienet ħarġet l-‘Opinjoni’ tagħha, jiġifieri għarbiel ta’ dak li Malta kien fadlilha ttejjeb biex tkun kapaċi tlaħħaq mal-kumplament tal-pajjiżi tal-UE fi sħubija.
Bidla fil-Gvern fl-1996 wasslet biex kemm l-applikazzjoni kif ukoll il-ħidma għal sħubija kienu ‘ffriżati’ u bejn l-1996-98 il-Gvern beda jesplora mal-UE, il-possibbiltà ta’ ‘partnership’. It-triq lejn sħubija reġgħet bdiet fl-1998 meta l-Gvern Laburista tilef vot ta’ fiduċja u l-elezzjoni li dan ġab miegħu.
Tliet leġiżlaturi u żewġ gvernijiet wara, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami kien sejjaħ referendum biex il-Maltin jagħżlu bejn il-proposta ta’ sħubija jew l-alternattiva proposta mill-Oppożizzjoni, dik tal-Partnership. Malta għażlet sħubija.
Dr Joe Borg, illum lettur fl-Università ta’ Malta kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin li kien innegozja s-sħubija kif ukoll iffirma t-trattat ta’ Ateni.
Sas-sena li għaddiet, 67% tal-Maltin, skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru kienu jqisu s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea bħala ħaġa pożittiva.