Jum l-Elezzjoni fl-Istati Uniti

Trump u Biden bl-aħħar appell għall-voti

Credit CDENews

Read in English.

Il-President Amerikan Donald Trump u r-rivali tiegħu tal-Partit Demokratiku Joe Biden għamlu l-aħħar appell għall-voti fl-aktar stati kruċjali hekk kif il-kampanja elettorali tagħhom bdew iħejju għal tilwim ta’ wara l-elezzjoni li jista’ jtawwal vot mill-aktar diviżiv.

Trump, li jinsab wara Biden fl-istħarriġ fuq skala nazzjonali, kompla bl-attakki tiegħu – mingħajr bażi – kontra l-voti li jintbagħtu bil-posta u ssuġġerixxa li jista’ jqabbad avukati jekk l-Istati jkunu għadhom qed jgħoddu l-voti wara Jum l-Elezzjoni.

Ilbieraħ filgħaxija Trump sostna li l-pjanijiet ta’ Pennsylvania li jkomplu jgħoddu l-voti bil-posta li jaslu sa tlett ijiem wara Jum l-Elezzjoni se jwasslu għal qerq elettorali iżda ma spjegax kif.

Huwa talab lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni li ppermettiet din l-estensjoni. Il-Qorti ħalliet din il-possibbiltà miftuħa. “Se jiġru affarijiet ħżiena u dawn se jwasslu għal affarijiet oħra”, sostna f’Wisconsin, stat kruċjali ieħor.

Fuq Twitter, Trump qal li d-deċiżjoni tal-qorti se “twassal għall-vjolenza fit-toroq”. Il-pjattaforma soċjali tellgħet avviż marbut ma’ dan il-messaġġ, u żiedet kumment li l-kontenut ta’ dan it-tweet “seta’ kien qarrieqi”.

Twitter ħabbret ukoll li se żżid twissija ma’ kull tweet li fih xi ħadd jipproklama rebħa elettorali qabel ma’ dan isir minn uffiċjali elettorali jew stazzjonijiet ewlenin tal-aħbarijiet.

Fl-Istati Uniti, mhix każ rari li xi Stati jdumu diversi ġranet jew anke ġimgħat biex jgħoddu l-voti kollha, u ż-żieda rekord fil-voti bil-posta minħabba l-pandemija tista’ twassal għal aktar dewmien. 

Il-maniġer tal-kampanja elettorali ta’ Biden, Jennifer O’Malley Dillon qalet li “taħt ebda xenarju Donald Trump m’hu se jkun dikjarat rebbieħ fil-lejl tal-elezzjoni”. Biden ukoll ippreveda rebħa veloċi, iżda prova jnaqqas it-tensjoni. “Qed nittama li l-elezzjoni tkun waħda sempliċi, paċifika, b’parteċipazzjoni qawwija”, qal lill-ġurnalisti f’Pittsburgh.

Trump, 74, qed jittama li jkun l-ewwel President uxxenti li ma jiġi elett mill-ġdid sa mir-Repubblikan George H.W. Bush fl-1992. Minkejja li fuq skala nazzjonali Biden għandu vantaġġ, iż-żewġ kandidati għadhom qrib xulxin fl-istati kruċjali, li jfisser li Trump għad għandu l-possibbiltà li jiġbor l-270 vot li għandu bżomm mis-sistema tal-Kulleġġ Elettorali li tiddetermina r-rebbieħ.

Trump qatta’ l-aħħar jiem jipprevedi rebħa u jgħaddi żmien b’Biden talli ddefenda r-restrizzjonijiet ta’ kontra l-coronavirus. “Vot għal Biden huwa vot għal-lockdown, miżerja u sensji”, sostna fi Scranton.