Jum il-Missier … l-appell għall-għoti tad-demm ikompli!

Wara l-kampanja marbuta mal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, imiss li wieħed idawwar ħarstu lejn Jum il-Missier, li se jkun iċċelebrat nhar il-Ħadd 21 ta’ Ġunju. F’dan il-Jum għażiż għal ħafna, jixraq li wieħed juri mħabba u rispett lejn il-missirijiet skont iċ-ċirkostanzi tal-mument. 

Dan għaliex wieħed irid jiftakar li fil-ħajja mhux kollox ward u żahar. Fil-fatt tajjeb li wieħed jiftakar li f’dan iż-żmien partikolari fl-isptarijiet tal-gżejjer Maltin hemm għadd ta’ missirijet qed jiġi rikoverati minħabba mard li jieħu fit-tul, kif ukoll konsegwenza t’aċċidenti varji, fosthom fuq il-post tax-xogħol, naturalment bi bżonn ta’ trasfużjonijiet tad-demm bħala parti mill-kura li jirċievi.

Għaldaqstant l-appell għall-għoti tad-demm ikompli u b’solidarjetà ma’ dawn il-missirijiet wieħed jista’ jagħti demm:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 21 ta’ Ġunju ser ikun maġenb il-bażilka tal-Mosta. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 21 ta’ Ġunju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.