“Jum imtappan mill-egoiżmu sfrenat”; “Jason Micallef hu urtat daqs kull Laburist ieħor”

Jason Micallef: "Jum il-Ħaddiem din is-sena mtappan mill-egoiżmu sfrenat"
Iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-One Jason Micallef qal li “Ħasra li l-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena jinsab imtappan mill-egoiżmu sfrenat ta’ min jinsab bla xaba fil-kilba bla qies għall-flus u l-poter li jwassluh f’sitwazzjoni egoċentrika tal-“untouchable”, anke meta jkun taqqab il-vapur b'detriment għall-kaptan u l-passiġġieri ġenwini li jkun ilhom fuq il-vapur fil-bnazzi u l-maltemp.”
Fuq Facebook, Jason Micallef kiteb li f’Jum il-Ħaddiem jiftakar f’dawk kollha li jaħdmu u jaqilgħu l-għixien tagħhom korrettament għalihom u għal qrabathom.
Qal li jiftakar f’dawk kollha li jivestu korrettament biex joħolqu l-impjiegi u jitkattar ix-xogħol.

Joe Grima: “Jason Micallef hu urtat daqs kull Laburist ieħor”
F’post separata fuq Facebook, l-eks Ministru tal-PL u llum l-envoy għall-Gvern Joe Grima qal li Jason Micallef hu urtat daqs kull Laburist ieħor.
Kiteb li “Il-ħtija [għalfejn Jason Micallef hu urtat daqs kull Laburist ieħor] mhix biss ta’ min issa, b’arroganza, ħareġ jgħid li hu baqa’ Ministru u allura mhu ħati ta’ xejn.”
Joe Grima saħaq li meta wieħed jgħid li Ministru kien u Ministru baqa’, “dik mhi xejn ħlief sfida kiesħa lil dawk il-Laburisti li minnek stennew komportament iktar diċenti.”
Qal kif issa għada f’Jum il-Ħaddiem “nerġgħu negħrqu fil-paroli u fiċ-ċapċip u wara għada nittamaw li jintesa kollox wara tlett ijiem.”