Jintemm l-istrajk; l-iskejjel kollha se jiftħu t-Tnejn

Aġġornat 10:11 AM

Read in English.

L-iskejjel kollha – tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti – se jiftħu nhar it-Tnejn li ġej u l-għalliema se jirritornaw, billi se jintemm l-istrajk.

Dan tħabbar fi stqarrija konġunta, fejn ġie spjegat li ntlaħaq dan il-qbil wara l-laqgħa ta’ dalgħodu bejn il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u s-Segretarju Permanenti, flimkien mal-MUT, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti.

Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effett fuq l-iskejjel mill-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà sabiex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija.

L-istqarrija tgħid li l-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali. 

Għalhekk, l-iskejjel se jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-partijiet kollha qablu fuq dawn il-punti:

  • Li l-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli tkun imsaħħa; 
  • Li l-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel titjieb;
  • Li l-istaff tal-iskejjel ikun ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin peress li bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani;
  • Li l-partijiet kollha jkollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel; 

Il-Gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu fi grupp ta’ ħidma biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu. 

Il-jumejn ta’ strajk kienu essenzjali – MUT

L-MUT żiedet tgħid li jidher ċar li l-jumejn li fihom seħħ l-istrajk kienu essenzjali għax dawn il-jiem kienu jaħbtu mal-perjodu fejn kien mistenni li joħorġu l-maġġoranza tal-każijiet minħabba l-attivitajiet li saru fil-jiem ta’ festi.

Hija ddefendiet l-aġir tagħha billi qalet, “Għaldaqtant, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu diġà taw rakkomandazzjoni biex l-iskejjel ma jinfetħux b’mod fiżiku għal dawn il-jumejn. Billi l-Gvern irrifjuta li l-iskejjel tal-istat imorru online għal dawn il-jumejn, l-MUT ma kellhiex triq oħra ħlief li tordna l-istrajk. Għaldaqstant, permezz tal-azzjoni industrijali ma rriskjajniex is-saħħa u s-sigurtà f’sitwazzjoni inċerta u allura nistgħu ngħidu li l-edukaturi tal-iskejjel, inkluż dawk tal-istat, aġixxew bl-aktar mod responsabbli fiċ-ċirkostanzi, kif għamlu l-bqija tas-setturi li ħadmu online.”

Issoktat tgħid li mill-preżentazzjonijiet li sarulha, ikkonfermat li l-miżuri għadhom effettivi fil-ġlieda kontra l-imxija.

L-unjin temmet tgħid li żżomm id-dritt li terġa’ tieħu kull miżura neċessarja skont il-bżonn jekk l-affarijiet ma jimxux b’mod li jipproteġi lill-edukaturi, l-istudenti u lill-ġenituri. Hija rringrazzjat lill-edukaturi tas-sapport kontinwu tagħhom.

Kuntent ħafna li l-Gvern flimkien mal-MUT, l-Assoċjazzjoni tal-iskejjel Indipendenti u s-Segretarjat għall-edukazzjoni…

Posted by Robert Abela on Friday, January 8, 2021

Il-UPE se tistanna li jkollha d-dettalji kollha qabel ma taċċetta l-ftehim

Il-Union of Professional Educators – Voice of the Workers fi stqarrija qalet li ħadet nota tal-ftehim li nlteħaq bejn l-MUT u l-Gvern u se tkun qiegħda żżomm f’moħħha li l-iskejjel se jkunu qiegħdin jingħataw pariri u gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa taħt il-gwida tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci u ta’ Vincent Marmara. Huma qalu li jemmnu li dak kollu li qiegħed isir huwa l-aħjar interess tal-edukaturi u tal-istudenti kollha.

Min-naħa tagħhom qegħdin jistennew li jingħataw verżjoni sħiħa printjata tal-ftehim li sar bejn iż-żewġ naħat u qalu li l-ftehim ikun aċċettat wara li jiġi analizzat dan il-ftehim f’veżjoni printjata.

Żiedu li huma se jirriservaw id-dritt li jsejħu azzjoni industrijali jekk il-kundizzjonijiet f’dan il-ftehim jinkisru f’kull ħin. Temmew li l-unjin se tkun qiegħda tassigura li kull membru tagħha jkunu infurmati bid-dettalji ta’ dan il-ftehim.

“Il-Ministru instigat attitudni dispreġġjattiva lejn l-għalliema” – L-Oppożizzjoni

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, l-Oppożizzjoni laqgħet dan il-qbil b’sodisfazzjon.

Qalet, iżda, li minn din it-tilwima industrijali ħareġ ċar li l-Gvern ma kienx trasparenti bl-informazzjoni fuq is-saħħa tal-edukaturi u l-istudenti. Skont il-PN, it-tilwima industrijali setgħet ġiet evitata.

Apparti hekk, ikkundanna l-aġir tal-Ministeru tal-Edukazzjoni peress li fil-fehma tal-PN, dan wassal għal attitudni dispreġġjattiva lejn l-għalliema. L-Oppożizzjoni ddefendiet id-dirtt tal-ħaddiemma li jistrajkjaw.

Puli temm jgħid, “Il-Ministru tal-Edukazzjoni kellha kull dritt ma taqbilx mal-istrajk imma ma kellha l-ebda dritt tgħid li l-azzjoni tal-edukaturi ma’ kinitx leġittima.”

Qabel intlaħaq qbil

“Laqgħa produttiva; nittamaw għal żblokk fis-sigħat li ġejjin” – MUT

L-Unjin għall-Għalliema (MUT) qalet li l-laqgħa mal-awtoritajiet dalgħodu kienet waħda produttiva, u qed jittamaw għal żblokk fl-istrajk tal-għalliema fis-sigħat li ġejjin.

Malli ħarġu mil-laqgħa f’Kastilja, il-President tal-MUT Marco Bonnici ta indikazzjoni li l-istrajk kien għal dawn il-jumejn, imma li mit-Tnejn, l-għalliema possibbilment jirritornaw għax-xogħol.

Huwa qal li issa l-MUT se tiddiskuti internament fuq il-pass li jmiss. Fil-5pm għandha ssir laqgħa mal-membri tal-MUT sabiex jiġu aġġornati b’dak li ntqal s’issa. Il-membri jridu jirreġistraw għal-laqgħa minn hawn.

Tmiem din il-ġimgħa jġib miegħu t-tieni jum ta’ strajk mill-għalliema, b’ordni tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), li qablet magħha l-unjin l-oħra, l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers).

L-MUT b’konferma oħra li l-awtoritajiet tas-saħħa riedu li l-iskejjel ma jiftħux

Dalgħodu, l-MUT spjegat li fil-laqgħa tal-bieraħ, ġiet ikkonfermata komunikazzjoni mibgħuta minn uffiċjal għoli fl-awtorità tas-saħħa dwar il-pożizzjoni tagħhom fuq il-ftuħ tal-iskejjel. Minħabba din il-konferma, l-MUT talbet lill-Gvern biex issir analiżi u preżentazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa fuq din il-komunikazzjoni.

Nhar l-Erbgħa l-unjin żvelat li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-iskejjel ma jiftħux, iżda dan injorahom. Dan peress li nhar l-Erbgħa tħabbar numru rekord ta’ każijiet ġodda tal-coronavirus: 224 każ. Il-Ministeru baqa’ jiċħad dan, u laqgħat li saru l-Erbgħa u l-Ħamis filgħaxija kienu inkonklussivi. L-Erbgħa filgħaxija, għalhekk, l-MUT sejħet strajk ta’ jumejn.

It-taħditiet mistennijin ikomplu dalgħodu. L-unjin u r-rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti talbu li jattendi Dr Vincent Marmarà bħala espert, biex jagħti analiżi oġġettiva tas-sitwazzjoni tal-pandemija.

Sadattant, kien hemm ġenituri li bagħtu lil uliedhom l-iskola xorta waħda, iżda l-maġġoranza tal-għalliema m’attendewx, u allura l-istudenti ma kellhomx lezzjonijiet.

Dalgħodu l-UPE qalet li jidher li llum huwa wkoll ta’ suċċess billi l-għalliema qegħdin jimxu mal-ordni tal-unjins.

Għal darb'oħra n-numri jidhru b'saħħithom.Jum ieħor ta' suċċess.L-UPE hemm għalik.

Posted by Graham Sansone on Thursday, January 7, 2021

Il-Ministru Justyne Caruana dalgħodu qalet lill-ġurnalisti li jekk it-tagħlim fl-iskejjel tal-Gvern jimxix online jiddependi mill-MUT, peress li din kienet qed tirreżistih minħabba kwistjonijiet loġistiċi.

L-MEA tilmenta fuq l-inkonvenjent li ħoloq l-istrajk għall-kumpaniji

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) appellat lill-Gvern u lill-MUT biex isibu soluzzjoni għal din it-tilwima, billi din qed iċċaħħad lill-istudenti mill-edukazzjoni, u qed toħloq inkonvenjent għall-kumpaniji u għall-ġenituri li kellhom jipposponu impenji tax-xogħol f’qasir żmien.

Skont l-Assoċjazzjoni, il-kaġun ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ djalogu bejn iż-żewġ naħat, għaliex kieku kien hemm id-djalogu, seta’ jsir ippjanar minn qabel.

Saħqet li jekk il-Ministeru qed jgħid li t-tagħlim online ma kienx kompletament ta’ suċċess peress li mhux l-għalliema kollha ħaduh bis-serjetà, missha ttieħdet azzjoni kontra l-minoranza li ħadet vantaġġ mis-sitwazzjoni, minflok ma tqiegħed kulħadd f’keffa waħda.

Min-naħa l-oħra, qalet l-MEA, l-unjin trid tagħraf li l-istudenti huma dawk li qed jitilfu f’din is-sitwazzjoni, u ma jaffordjawx li jirrepetu sena bħall-2020. Fl-istess waqt, il-kumpaniji ma jistgħux ikunu mistennija jaddattaw għas-sitwazzjoni mil-lum għal għada għax ħafna ħaddiema ma jistgħux imorru għax-xogħol, insistiet l-MEA.

Għalhekk, hi tqis li r-responsabbiltà hija ugwali bejn il-Ministeru u l-MUT li għandhom isibu soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun.

Taqbel li l-għalliema jistrajkjaw?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt