Jum iddedikat lill-annimali fl-Għammieri

Nħar il-Ħadd li ġej, bejn id-9.00am u l-5.00pm, fil-Kumpless tal-Għammieri se tkun qed issir attività ddedikata għall-ħarsien tall-annimali. Din l-inizjattiva se tkun ikkordinata mit-Taqsima Festi Rurali flimkien mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Din se tkun attività b’bosta attivitajiet fosthom mixja bil-klieb fejn kull min għandu jelb jista’ jingħaqad f’din il-mixja qasira, palk prinċipali fejn matul il-ġurnata se ikun hemm numru kbir ta’ attivitajiet fosthom l-għoti tal-premijiet għal kompetizzjoni ddedikata għall-annimali li saret waqt SkolaSajf 2017, bosta stands ta’ għaqdiet mhux governattivi u  esibizzjonijiet fost l-oħrajn ta' tjur, fniek, rettili u ħut. 
Għall-ewwel darba f'attività simili se jiġu organizzati xows kompetittivi għall-klieb u ponijiet ta’ shetland fejn ġurija apposta se tkun qed tiġġudika l-parteċipanti f'dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet kif ukoll logħob għat-tfal akkompanjati mal-klieb tagħhom. 
Dawk li jattendu se jkollhom ukoll iċ-ċans li jieħdu ritratt ma’ pony b’donazzjoni tmur għal Puttinu.