“Jum biex infakkru s-suċċessi li ksibna”

Messaġġ għall-Jum il-Mara mill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli:
"Għalija Jum il-Mara huwa l-jum fejn infakkru s-suċċessi li ksibna s’issa fl-emanċipazzjoni tal-mara u fl-istess waqt inħarsu lejn dak li fadlilna x’niksbu.
F’dawn l-aħħar snin rajna progress fin-nisa li qed jersqu fid-dinja tax-xogħol anke permezz ta’ diversi inizjattivi u miżuri family-friendly. Però meta nħarsu lejn nisa involuti f’pożizzjonijiet għolja fejn jittieħdu deċiżjonijiet bħal bordijiet fil-kumpaniji u anke fil-politika għadna naraw numri baxxi ħafna.
B’mod speċjali fil-politika rridu naħdmu sabiex, filwaqt li nżidu n-numru ta’ kandidati kif inhu l-għan tal-inizjattiva LEAD, indaħħlu miżuri ġodda li jgħinu sabiex anke jressqu aktar nisa lejn il-politika u jsarrfu wkoll f’eliġġibilità fil-Parlament Malti.
Wasal iż-żmien li niddiskutu bis-serjetà miżuri pożittivi biex naraw liema sistema hija effiċjenti għal pajjiżna.
Fuq kollox irridu naħdmu għall-bidla fil-kultura fejn nifhmu li l-mara għandha rwol attiv x’tilgħab f’kull qasam fis-soċjetà tagħna, mhux biss fit-trobbija tat-tfal u fil-familja, imma anke fuq il-post tax-xogħol u fil-politika."