Julie Andrews illum tagħlaq 84 sena

Ritratt: Claudio Onorati/ EPA-EFE

Il-miljuni ta’ nies li raw il-films Mary Poppins (1964) u The Sound of Music (1965) ma jistgħu jinsew qatt il-vuċi melodjuża tal-attriċi Ingliża Julie Andrews li llum tagħlaq 84 sena. Min raha meta kien għadu tfal baqa’ jgħożż il-memorja tagħha sa ma saru adulti u ma jistgħu jinsew qatt il-kanzunetta Do-Re-Mi kif interpretata Julie Andrews f’The Sound of Music.

Julie Andrews twieldet fl-1 ta’ Ottubru 1935 f’Surrey fl-Ingilterra. Sa minn ċkunitha bdiet tidher fuq il-palk u tkanta mal-ġenituri tagħha. Fl-istess żmien ħadmet fil-produzzjoni għall-palk tal-ħrafa Jack and the Beanstalk. Fl-1948 għamlet id-debut tagħha fil-West End ta’ Londra u fi Broadway fl-1954 f’The Boy Friend.

Il-mara ġibdet bosta ammirazzjoni għar-reċtar u l-vuċi tagħha u kienet imlaqqma bħala L-Iżgħar Prima Donna Ingliża, l-aktar wara s-suċċess li għamlet fil-musical My Fair Lady fuq Broadway fl-1956 fejn ħadmet il-parti ta’ Eliza Doolittle u f’Camelot, fl-1960, fil-parti ta’ Queen Guinevere mal-attur Richard Burton. Fl-1957 Julie Andrews kienet l-attriċi fil-musical Cinderella li nkiteb apposta għal fuq it-televiżjoni fejn ġibdet udjenza ta’ 100 miljun.

L-għalliema tagħha tal-kant kienet titlobha biex tkanta fl-opri imma Julie Andrews qatt ma xtaqet tagħmel hekk. Għaliha l-opri ma kinux suġġetti ta’ ferħ għax hi dejjem sostniet li li kieku kellha tkanta versi ta’ swied il-qalb il-vuċi tagħha tinkiser u disgħa u disgħin il-mija kienet tispiċċa tibki.

Julie Andrews dehret l-ewwel darba f’film għaċ-ċinema fl-1964 f’Mary Poppins fejn rebħet Oscar bħala l-Aqwa Attriċi. Fis-sena ta’ wara ħadmet f’The Sound of Music li għalih rebħet il-Golden Globe Award ukoll bħala l-Aqwa Attriċi. Bejn l-1964 u l-186 ħadmet f’The Americanization of Emily (1964), Hawaii (1966), Torn Curtain (1966), Thoroughly Modern Millie (1967), Star! (1968), The Tamarind Seed (1974), 10 (1979), Victor/victoria (1982), That’s Life! (1986) u Duet for One (1986).

Ir-Reġina Eliżabetta fis-sena 2000 għamlitha Dame għas-servizzi tagħha fil-performing arts. Bejn l-2001 u l-2004 Julie Andrews ħadmet f’The Princess Diaries (2001) u f’The Princess Diaries 2: Royal Engagement (2004). Dan ma kienx biżżejjed għax bejn l-2004 u l-2018 il-vuċi tagħha nstemgħet fil-films ta’ Shrek, f’Despicable Me (2010) u s-sena l-oħra f’Aquaman.

L-attriċi kitbet ukoll kotba għat-tfal kif ukoll l-awtobijografija tagħha Home: A Memoir of My Early Years fl-2008. Aktar tard dan ix-xahar se tippubblika t-tieni ktieb tal-awtobijografija tagħha bit-titlu ta’ Home Work: A Memoir of My Hollywood Years.

Julie Andews bħalissa hi mdaħħla fis-serje ġdida ta’ Netflix Bridgerton imsejsa fuq il-kitba ta’ Shonda Rhime li fiha tinterpreta l-parti ta’ mara li l-gost tagħha hu  tikteb zekzik dwar in-nies.

Netflix mistenni jwassal din is-sensiela s-sena d-dieħla.

Julie Andrews kienet miżżewġa darbtejn, l-ewwel lis-set designer Tony Walton mill-1959 sal-1967 u mbagħad lid-direttur Blake Edwards, mill-1969 sakemm miet fl-2010. Hija nanna ta’ disgħa u bużnanna ta’ tlieta.