Julia Farrugia Portelli u Silvio Schembri se jagħtu l-paga tagħhom ukoll

Julia-Farrugia-Portelli-u-Silvio-Schembri

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbru li huma se jkunu qed isegwu l-pass tal-Prim Ministru u joffru l-paga tagħhom ta’ xahar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru ħabbar pakkett ta’ mżuri ġodda biex jgħin lil setturi u negozji lokali sabiex dawn ma jkeċċux aktar ħaddiema. Fost l-oħrajn hu qal li lest ukoll li joffri paga ta’ xahar tiegħu biex ikompli jgħin is-sitwazzjoni.

Ftit tal-ħin wara, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li bħal Prim Ministru hi se tkun qed tagħti l-paga tax-xahar ta’ Marzu wkoll biex tgħin. Sostniet li dan hu żmien ta’ solidarjetà. Qalet ukoll li l-pakkett li ħabbar il-Gvern ilbieraħ filgħaxija jwieżen il-bżulija tal-ħaddiem Malti u ta’ min iħaddem.

Il-paga ta' dan ix-xahar tiegħi nagħtiha wkoll bħal Prim Ministru. Dan hu żmien ta' solidarjeta'. Il-pakkett imħabbar…

Posted by Julia Farrugia Portelli on Tuesday, 24 March 2020

Il-Ministru Schembri sostna li hu jħoss li hu dover tiegħu li wkoll jċedi l-paga tiegħu ta’ xahar biex jgħin lill-poplu Malti u Għawdxi. Hu ħeġġeġ sabiex kull min jista’ jagħmel dan il-pass fl-interess ta’ dawk kollha li għaddejjin minn żmien diffiċli.

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela ceda xahar paga minn tiegħu, bhala Ministru tal-Ekonomija nħossni fid-dover li…

Posted by Silvio Schembri on Tuesday, 24 March 2020

Fil-jiem li għaddew, l-Ambaxxatur Malti għall-Italja Joseph Cuschieri ħabbar li se jagħti l-paga tiegħu tax-xahar ta’ Marzu lill-Protezzjoni Ċivili Taljana.

Għamlu l-istess, is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit u l-kunsillier taż-Żebbuġ Daniel Cordina. Cordina qal fuq Facebook li se jkun qed jagħti donazzjoni s-salarju tiegħu ta’ kunsillier ta’ Marzu u April lill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun John Sultana, biex jgħaddihom lil dawk li jistgħu jiġu fil-bżonn.

Qed ninghaqad ma l-Ambaxxatur Joseph Cuschiri illum fl-Italja u mal-kollega Christian Zammit Sindku ta Xaghra.Ser inkun…

Posted by Daniel Cordina on Monday, 23 March 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn