Julia Farrugia Portelli għandha tirriżenja minn Ministru – PD

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Demokratiku hu tal-fehma li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għandha tirriżenja.

Fi stqarrija, il-PD qal li Farrugia Portelli ma fadlilhiex għażla oħra wara li tilfet il-fiduċja kollha li kellhom l-operaturi fis-settur fiha, wara li t-turiżmu qed jieħu daqqa ta’ ħarta issa li qed jiżdiedu ġmielhom il-każijiet tal-coronavirus.

Illum ġie rappurtat l-ogħla numru ta’ każijiet f’ġurnata, dak ta’ 72. It-total ta’ każijiet attivi issa huwa ta’ 557.

Il-Partit Demokratiku qal li operaturi fis-settur tal-ospitalità esprimew it-tħassib tagħhom fuq il-futur tal-industrija tat-turiżmu, l-investimenti, l-impjegati u l-familji tagħhom. Issa li għadd ta’ pajjiżi poġġew lil Malta fuq il-lista tal-pajjiżi l-inqas siguri minħabba n-numru kbir ta’ każijiet, it-turisti huma mistennija li jonqsu. Il-PD qal li l-effett ta’ dan se jkun wieħed devastanti.

L-istqarrija tkompli tgħid li r-reputazzjoni ta’ Malta issa se tkun dik ta’ gżira tal-parties irresponsabbli. B’hekk, mhux se jibqgħu jiġu attirati turisti ta’ kwalità li jonfqu ħafna lejn Malta. Fil-fehma tal-PD, Malta teħtieġ tim li jimmaniġġja li huwa kompetenti, esperjenzat u kwalifikat li jista’ jistabbilizza l-industrija.

Minħabba li jeħtieġ li l-operaturi tat-turiżmu jkollhom fiduċja fil-Ministru li jmexxihom jew tmexxihom, il-Partit Demokratiku appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jagħmel dak li hu mistenni minnu u minflok lil Julia Farrugia Portelli, jaħtar lil xi ħadd li hu kapaċi jwettaq ix-xogħol mistenni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn