Judo: Rodney Zammit jirritorna mill-Italja b’midalja tal-bronż

Il-Judoka Rodney Zammit irritorna minn Udine fl-Italja b'midalja tal-bronż wara li ħa sehem fit-35° Trofeo Internazionale Judo "Città di Tolmezzo".
Il-parteċipazzjoni ta' Zammit serviet bħala tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Huwa kien akkumpanjat minn Jeremy Saywell, li bħalissa qed jirkupra minn operazzjoni, u Giorgi Kaldani li huwa kowċ kwalifikat mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo (IJF).
Kaldani li huwa atleta Ġorġjan ta’ livell għoli, bħalissa qiegħed f'Malta bħala sparring partner u kowċ għat-taħriġ personali ta’ Rodney Zammit.
Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo ħadet l-opportunità ta' dan il-kampjonat, biex tniedi 2 atleti żgħażagħ, Clive Camilleri u Lara Castillo fuq ix-xena internazzjonali barra minn xtutna.
Rodney Zammit ħa sehem fil-kategorija tas-60kg li kellha 6 parteċipanti.
Fl-ewwel logħba, Zammit kellu jċedi kontra l-Awstrijak Manuel Wiesler, iżda meta mar lura fuq it-tapit, irnexxielu jirbaħ il-midalja tal-bronż bi stil, wara li strangola lit-Taljan Luciano Alessio.
L-isparring partner ta’ Rodney Zammit, Giorgi Kaldani, ħa sehem fil-kategorija tat-73kg li kellha 9 parteċipanti.
Kaldani wera superjorità esperjenza u rnexxielu jirbaħ lit-tliet avversarji tiegħu f'inqas minn minuta, biex rebaħ il-midalja tad-deheb.
Intant iż-żgħażagħ Camilleri u Castillo kellhom esperjenza pożittiva meta wieħed iqis li kienet l-ewwel waħda barra mill-pajjiż.
Camilleri inqala' fil-kwarti tal-finali waqt li Castillo spiċċat fil-ħames post fil-kategorija tagħha.