Juanito Camilleri maħtur chairman mhux eżekuttiv ta’ Vodafone

Read in English.

Ir-Rettur Emeritu tal-Università ta’ Malta, Juanito Camilleri, inħatar bħala chairman mhux eżekuttiv ta’ Vodafone Malta. Dan tħabbar fi stqarrija mingħand Monaco Telecom illum.

Il-kumpanija li ftit tal-ġimgħat ilu xtrat lil Vodafone Malta qalet li Prof. Camilleri għandu esperjenza estensiva fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Spjegat li hu kien il-Kap Eżekuttiv li beda l-Go Mobile f’Malta qabel ma mbagħad mexa biex laħaq Kap Eżekutiv ta’ Melita Cable Plc. Bħalissa hu chairman u Professur residenti fiċ-Ċentru għall-Intrapriża u l-Inkubazzjoni tan-Negozji fl-Università ta’ Malta u huwa wkoll direttur ta’ numru ta’ bordijiet.

Min-naħa tiegħu, Prof. Camilleri qal li huwa eċitat dwar il-viżjoni li għandha Monaco Telecom fejn tidħol il-ħidma f’Malta. Sostna li Monaco Telecom se tkun ta’ valur kbir għal Malta u li jinsab kuntent li reġa’ ngħata l-opportunità sabiex jerġa’ jibda jikkontribwixxi lis-settur tat-telekomunikazzjoni fil-pajjiż.

L-istqarrija spjegat li Prof. Camilleri jifforma parti minn bord ġdid ta’ Vodafone Malta magħmul minn rappresentanti tax-shareholders ta’ Monaco Telecom li flimkien jgħaqqdu l-akkwist ta’ €250 miljun ta’ Vodafone il-ġimgħa li għaddiet fejn l-awtoritajiet Maltin taw l-approvazzjoni regolatorja tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Vodafone Malta, Tamas Banyai faħħar lil Prof. Camilleri u sostna li se jkun ta’ valur indispensabbli għall-viżjoni li għandha l-kumpanija biex tkompli tattratta l-pubbliku Malti lejha.

Monaco Telecom xtrat lil Vodafone Malta fl-1 ta’ April. Il-kumpanija se tkompli topera taħt il-brand ta’ Vodafone waqt perjodu ta’ tranżizzjoni.