JRS b’appell għal donazzjonijiet biex jgħinu lir-refuġjati li tilfu xogħolhom

L-għaqda tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati f’Malta qalet li fost dawk li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi finanzjarja li ġabet magħha l-imxija tal-coronavirus hemm dawk ir-refuġjati u l-immigranti li tilfu xogħolhom jew naqsitilhom il-paga drastikament. Dawn qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kera jew biex jixtru x’jieklu. Għaldaqstant, hija qiegħda tappella lill-pubbliku biex jagħti donazzjoni sabiex hi tkun tista’ tgħinhom.

Fuq is-sit elettroniku tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati f’Malta, ingħad li dawk li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u dawk li ngħataw Protezzjoni Umanitarja Temporanja mhumiex intitolati għall-benefiċċji soċjali għalkemm jgħixu, jaħdmu u jħallsu t-taxxa hawnhekk, għalhekk qegħdin f’riskju ta’ għaks.

Permezz ta’ xogħolhom, dawk li jaħdmu mas-Servizz tal-Ġiżwiti għandhom kuntatt mal-iżjed individwi vulnerabbli fis-soċjetà. Stqarrew li xogħolhom huwa li jgħinu lil dawk il-membri tal-komunità li ma jirnexxilhomx jiksbu sapport finanzjarju mingħand il-Gvern, billi jiffaċilitawlhom l-aċċess għall-mediċina, għal akkomodazzjoni bażika, għan-neċessitajiet għat-trabi u t-tfal u għall-ispejjeż t’emerġenza.

Jekk wieħed jagħti donazzjoni, ikun qed jgħin biex jinxtraw prodotti sanitarji u ta’ iġjene, neċessitajiet bażiċi għal tarbija, mediċina, spejjeż ta’ emerġenza għall-għajxien ta’ kuljum, u affarijiet li wieħed ikollu bżonn jekk jintbagħat l-isptar.

Min jixtieq jgħin jista’ jikteb ċekk lill-Fondazzjoni JRS Malta u jibagħtu f’dan l-indirizz: SAC Sports Complex, 50 Triq ix-Xorrox, Birkirkara BKR 1632. Inkella jista’ jsir trasferiment ta’ flus online. Id-dettalji hawn.

COVID-19 EMERGENCY APPEAL: HELP JRS SUPPORT REFUGEES AFFECTED BY THE PANDEMICLike many other people, refugees and…

Posted by Jesuit Refugee Service Malta on Friday, April 24, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn