JPO lill-Pulizija: “Ħudu passi”; Casa: “Ma tbeżżgħunix”

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, qal li David Casa kiser il-liġi meta akkwista u tkellem fuq dokument kunfidenzjali tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus u saħaq li għandhom jittieħu passi kontrih.
F’risposta, l-Ewroparlamentari David Casa qal li kwalunkwe attentat ta’ intimidazzjoni minn persuni viċin Kastilja se jsir għalxejn.
Fuq Facebook, l-eksdeputat Jeffrey Pullicino Orlando qal li l-Pulizija tkun qed tonqos jekk ma tiħux passi kontra David Casa.
Fi kliemu, kull allegazzjoni ta’  korruzzjoni għandha tiġi mistħarrġa serjament f’pajjiż demokratiku iżda insista wkoll li kull azzjonali illegali għandha tittieħed passi kriminali fuqha.
“Din mhux logħba,” qal Pullicino Orlando lil Casa.
B’reazzjoni, David Casa qal li hija “diżgrazzja” li persuna viċin il-Prim Ministru u li tmexxi entità tal-Gvern, issejjaħ għar-riżenja tiegħu.
Kien hawn li Casa insista li mhux se jkun qed jintimidah.
Casa qal li l-uniku lealtà tiegħu hija lejn il-poplu Malti u Għawdxi u huwa fid-dmir li jesponi attività kriminali.
Tenna li se jkun qed jippubblika “r-rapport konklussiv” tal-FIAU u l-Prim Ministru mhux se jkollu triq oħra ħlief li jneħħi lil Konrad Mizzi.