JPO lil Casa: “Ieqaf kun xempju ta’ ingann”; Casa: “Nistennew ir-riżultat”

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, jisħaq li jekk l-Ewroparlamentari David Casa qed jaħdem verament fl-aħjar interess għal pajjiżu, ma għandux jaġixxi bħala xempju tal-ingann. Casa jwieġbu li d-dokumenti se jippublikahom wara li joħroġ ir-riżultat tal-investigazzjoni.
Jeffrey Pullicino Orlando bi twissija għal Casa
Filwaqt li rrefera għal Casa bħala xempju tal-ingann, Pullicino Orlando jinsisti wkoll li Casa għandu jieqaf juża l-influwenza tiegħu f’livell Ewropew sabiex “ikisser il-Gvern Malti”.
Pullicino Orlando qal dan fi stqarrija bħala tweġiba għar-reazzjoni tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew għall-kummenti tiegħu dwar kif Casa qed jimmaniġġja l-każ tar-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li qed jgħid li għandu f’idu.
Filwaqt li Pullicino Orlando jinsisti li kull tip ta’ allegazzjoni ta’ korruzzjoni f’pajjiż demokratiku għandha tiġi investigata, jgħid lil Casa biex jieqaf jinki lill-udjenza u juża tattiċi ta’ ġurnalisti tablojd.
Jistaqsi lil Casa għaliex għadu m’għaddhiex id-dokumenti lill-awtoritajiet kompetenti, u jinsisti li dan id-dewmien biex jissottometti din l-allegata evidenza huwa minnu nnifsu att illegali.
Filwaqt li jistaqsih jekk iħossux li hu ’l fuq mil-liġi, jistaqsih ukoll jekk ivverifikax dawn id-dokumenti sabiex jaċċerta li ħadd ma kien qed jikteb dokumenti foloz biex jinkriminaw persuni oħra.
Casa jinsisiti li d-dokumenti jippubblikahom wara li joħroġ ir-riżultat
Bi tweġiba għal din l-istqarrija, David Casa nsista li se jippubblika d-dokumenti konklussivi tal-FIAU wara li joħroġ ir-riżultat finali tal-investigazzjonijiet.
Hu jemmen li wara li jippubblika dawn id-dokumenti, il-Prim Ministru se jkollu jkeċċi lil Konrad Mizzi immedjatament u mingħajr l-ebda għażla.
Filwaqt li jgħid lil Pullicino Orlando biex minflok jitkellem għall-Kastilja jagħmel ix-xogħol li qed jitħallas għalih mit-taxxi tal-poplu, jinsisti li l-evidenza ta’ attività kriminali diġà qiegħda fil-pubbliku u għaldaqstant mhux tittieħed biżżejjed azzjoni.
Jinsisti li l-ebda forma ta’ theddid mhu se jwaqqfu milli jagħmel xogħlu.