Jott jispiċċa fuq ir-ramel fl-Għadira

Facebook

Jott ta’ madwar 12-il metru spiċċa fuq ir-ramel tal-Għadira dalgħodu. Għalkemm ħadd ma weġġa’ jidher li l-uffiċjali ta’ Transport Malta għaddejjin b’ħidma biex jinstab sid il-jott. Is-sid imbagħad instab u għal xi ħin deher jitħabat mal-mewġ u mal-jott fuq il-bajja.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-jott beda dieħel lejn ix-xtajta tal-Għadira dalgħodu għall-ħabta tas-6am. Għas-7am, il-Pulizija ġew infurmati u anki l-Forzi Armati ta’ Malta. Jidher ukoll li xi persuni ppruvaw isalvaw id-dgħajsa fil-ħin ta’ wara.

Kelliem għall-Pulizija qal li ħadd ma’ weġġa f’dan l-inċident.

Jidher li dan mhux l-unika każ ta’ dgħajsa li nqatgħet u ddaħlet max-xtajta. Filmat li deher fuq sit tal-aħbarijiet dehret Cabin Cruiser li ħabtet għal diversi drabi mal-blat fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq biswit Triq il-Kosta.

Ir-riħ mistenni li jżid aktar tard mal-ġurnata hekk kif minn moderat, l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li għandu jsir ftit qawwi mill-Grieg il-Lvant.