Joseph Scicluna jirbaħ l-ASMK Enduro fil-Fawwara

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tielet attività tagħha, fejn 16 il-kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet ħadu sehem fl-attività Enduro.
Fil-kwalifikazzjoni għall-pole position Joseph Scicluna fuq mutur KTM u Bernard Sammut fuq KTM ukoll spikkaw fost l-oħrajn fejn b’differenza żgħira Scicluna spiċċa rebaħ il-pole.
Matul l-ewwel heat uffiċjali l-kompetituri komplew itejbu l-ħin tagħhom.
Fi Klassi ‘B’, Scicluna u Zammit komplew jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom b’Scicluna fuq quddiem b’erba' sekondi vantaġġ fuq Zammit.
Matul l-ewwel heat daħal ukoll James Zahra fuq mutur Yamaha li rnexxielu javvanza sew bit-taqtiegħa tkompli fit-tieni heat.
Minkejja dan, Scicluna kompla jkabbar il-vantaġġ biex jiddefendi l-ewwel post, sew f’din il-klassi kif ukoll fir-riżultat overall tal-ġurnata.
Ir-riżultat finali spiċċa b’Scicluna jirbaħ il-ġurnata b’ħin ta’ 5 minuti 27.46 sekondi segwit minn Zammit fit-tieni post b’ħin ta’ 5 minuti 34.59 sekondi.
Zahra u Debono jispiċċaw fit-tielet u r-raba' post b’ħinijiet ta' 5 minuti 35.34 sekondi ta' 5 minuti 41.84 sekondi rispettivament.
Intant fi Klassi ‘A’ li fiha jikkompetu l-muturi b’ċilindrata iżgħar, żviluppat taqtiegħa bejn James Grima u Elvin Debono, it-tnejn fuq muturi KTM.
Matul il-kwalifikazzjoni għall-pole position Grima rreġistra l-aħjar ħin segwit minn Debono u Krist Falzon fuq Honda.
Fl-ewwel heat Debono rnexxielu jtejjeb il-ħin biex mar fuq quddiem segwit minn Grima u Falzon.
Ir-riżultat finali spiċċa b’Debono jirbaħ Klassi ‘A’ b’ħin ta’ 6 minuti 9.82 sekondi segwit minn Grima fit-tieni post b’ħin ta’ 6 minuti 26.85 sekondi.
Fit-tielet post daħal Falzon b’ħin ta’ 6 minuti 39.14 sekondi waqt li fir-raba' spiċċa Aidan Camilleri fuq Yamaha b’ħin ta’ 6 minuti 43.76 sekondi.

Ritratt: Mario Micallef