“€150m biex titranġa l-problema tal-konkrit f’Mater Dei”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ammont ta’ flus li hemm bżonn biex jitranġaw in-nuqqasijiet fl-istrutturi tal-isptar Mater Dei hu ta’ €150 miljun. Dan minħabba l-kwalità baxxa tal-konkrit li kien intuża fil-bini.
Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Dr Muscat qal li dan ħareġ minn studju li sar dwar Mater Dei, li wera li l-problema testendi sad-Dipartiment tal-Casualty u sezzjonijiet oħra tal-isptar.
Sostna li x-xogħol se jsir skont l-urġenza u l-priorità se tingħata lil dawk il-partijiet fejn ikun żgurat li m’hemmx periklu għall-pazjenti, għall-impjegati u għal dawk li jżuru lill-pazjenti.
Il-Prim Ministru indirizza sezzjoni ta’ mistoqsijiet u risposti li kienet immoderate mis-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar. Minbarra mistoqsijiet imressqa mid-delegati, hu wieħed ukoll sett ta’ mistoqsijiet imressqa mill-ġurnalisti Mario Xuerebm Miriam Dalli u Melvic Zammit, li kienu miegħu fuq l-istejġ.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Toni Abela se jerġa’ jibda jattendi l-laqgħat tal-Kabinett bħala konsulent tal-Prim Ministru.
Qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun iffirmat ftehim formali bejn il-gvern u l-Assoċazzjoni tal-Impjegati biex jiffaċilita l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità. Saħaq li “Il-mod kif nistgħu niggarantixxu integrazzjoni hi billi nakkwistaw indipendenza finanzjarja; din hi revoluzzjoni soċjali.”
Il-Prim Ministru qal li se jkun hemm ukoll inizjattivi oħra favur persuni b’diżabilità, fosthom housing u konċessjonijiet.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat mistoqsija waħda għandu jwieġeb, li hi l-mistoqsija li qed isaqsieh il-Poplu Malti u Għawdxi, jiġifieri, x’inhi r-raġuni vera għalfejn għadu ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.
Qal li qabel iwieġeb dik il-mistoqsija, il-mistoqsijiet l-oħra kollha jkunu reċta bħalma kien il-filmat tal-Ewwel tas-Sena.