Joseph Muscat se jirriżenja f’Jannar

Miguela Xuereb

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jirriżenja fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.

Ftit tal-ħin ilu ġiet fi tmiemha laqgħa movimentata tal-Grupp Parlamentari Laburista fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti. Madanakollu la l-MPs Laburisti u lanqas il-Prim Ministru ma taw kummenti lill-midja lokali u internazzjonali li kienu qed jistennew barra r-rixtellu.

Dan se jsir fid-dawl tal-iżviluppi fl-aħħar 11-il jum b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li wasslu wkoll għar-riżenji ta’ Konrad Mizzi minn Ministru, ta’ Keith Schembri minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, filwaqt li Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu.

LIVE mill-Girgenti: http://bit.ly/2R5qDFQ

Posted by Newsbook.com.mt on Sunday, December 1, 2019

Ilbieraħ, sorsi infurmati viċin il-Partit Laburista qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-elezzjoni għall-mexxej ġdid tal-Partit Laburista se ssir f’żewġ fażijiet f’Jannar 2020.

Ħruġ mill-Girgenti

Ftit wara s-12.45pm bdew ħerġin il-Membri Parlamentari Laburista mill-Girgenti. L-ewwel ma ħarġu kienu s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, l-MP Rosianne Cutajar, il-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis. Ftit wara ħarġu l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, Konrad Mizzi, il-Ministru Ian Borg, il-Whip tal-Partit Laburista Byron Camilleri u l-Ministru Edward Scicluna. Ħadd ma waqaf jagħti kummenti.

Fil-jiem li għaddew, il-Partit Laburista ħabbar li ħassar l-attività politika li fiha Joseph Muscat kien mistenni jindirizza lill-partitarji Laburista fil-Fgura. L-aħħar jiem kienu kkaratterizzati bi protesti organizzati mis-soċjetà ċivili, quddiem Kastilja u quddiem il-bini tal-Parlament isejħu għar-riżenja ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat.

Dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta qed tistenna.