Joseph Muscat se jieħu sehem fil-marċ tal-Ħadd fi Franza

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jattendi għall-marċ li se jsir nhar il-Ħadd li ġej fi Franza b’solidarjetà mal-qraba tal-vittmi fl-attakk terroristiku li twettaq fuq l-uffiċini tar-rivista Charlie Hebdo.
Kelliem għall-Gvern ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt, li llum wara nofsinhar il-Gvern Malti rċieva l-istedina mill-Gvern Franċiż biex rappreżentant ikun preżenti waqt dan il-marċ li tħabbar mill-President Franċiż, Francois Hollande.
Fi Franza, dan il-marċ qed jitqies bħala dimostrazzjoni ta' għaqda bejn il-poplu Franċiż u l-komunitajiet differenti madwar l-Ewropa li jemmnu fil-libertà u d-drittijiet tal-bniedem.  
Għall-marċ ta’ nhar il-Ħadd li ġej huwa mistenni li jkunu preżenti bosta mexxejja Ewropej fosthom il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, l-Prim Ministru Ingliż David Cameron u l-Kanċilliera Ġermaniż Angela Merkel.
Fl-attakk li sar f’Pariġi, l-aħwa Kouachi flimkien ma’ żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena qatlu 12-il persuna fosthom ġurnalisti, kartunisti u membri tal-Pulizija.
Dan wara li r-rivista Charlie Hebdo ppubblikat karikatura dwar il-mexxej tal-Istat Iżlamiku.
L-attakk terroristiku qed jitqies bħala attakk dirett lejn il-libertà tal-espressjoni u saru bosta dimostrazzjonijiet paċifiċi madwar ibliet ewlenin fi Franza u oħrajn Ewropej bħal Londra.
F’Malta wkoll saru żewġ dimostrazzjonijiet waħda mill-ġurnalisti li ngħaqdu flimkien minn kmamar tal-aħbarijiet differenti kif ukoll mill-komunità Franċiża.