Joseph Muscat qed iwebbes rasu u ma jkeċċix lil Michael Falzon – PN

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandux triq oħra ħlief li jkeċċi lil Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari.
Sostna li dan fid-dawl tal-involviment dirett tiegħu fl-iskandlu tal-każ tal-propjetà fi Triq Zekka, li fi kliemu, fih Gaffarena sar multimiljunarju mil-lum għall-għada.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kelliem Claudio Grech u Kristy Debono, Jason Azzopardi qal li Michael Falzon siefer fuq btala ma’ Marco Gaffarena, iltaqgħu miegħu f’Kastilja, uffiċjal ta’ Kastilja kien imur ma’ Gaffarena fid-Dipartiment tal-Artijiet u ffirma ż-żewġ ftehimiet.
Azzopardi qal li aktar ma jgħaddi żmien, aktar jiżdiedu s-suspetti li l-Prim Ministru seta’ kien involut f’dan li sejjaħlu skandlu.
Claudio Grech tkellem dwar il-benefiċċju għat-terminazzjoni mill-impjieg li ngħata Michael Falzon mill-bank u li jammonta għal €260,000.
Grech qal li meta azjenda tkun trid taġevola lil impjegat, ġeneralment jingħata leave bla ħlas sakemm l-impjegat ikun qiegħed jaqdi dmiru fir-rwol pubbliku.
Kristy Debono sostniet li l-bank fejn kien impjegat Michael Falzon għandu jagħti spjegazzjoni ċara kif ingħata dan il-benefiċċju għat-terminazzjoni tal-impjieg.

Reazzjoni PL
F’reazzjoni għal din il-konferenza, il-Partit Laburista qal li Jason Azzopardi attakka lill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern li kienu taw parir biex art li kellha valur ta’ €60,000 fi proċess ta’ espropjazzjoni spiċċat tħallset aktar minn €400,000.
Il-Partit Laburista qal li dan wara intervent mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u Azzopardi stess.
Fi stqarrija ntqal li Jason Azzopardi ma jridx jispjega għaliex ma qagħadx fuq il-Kummissarju tal-Artijiet u l-periti tal-Gvern li qalulu li ma jistgħux jifhmu kif il-prezz jista’ jogħla daqshekk.  

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li Joseph Muscat tilef kull sens ta’ kredibilità meta għandu sensiela ta’ skandli li qed jagħżel li jibqa’ ċass quddiemhom.
L-istqarrija ssostni li flok jintilef ifittex x’seta’ ġara fil-passat, Joseph Muscat għandu jispjega għaliex lill-ħaddiema Maltin tahom 58c filwaqt lil Gaffarena tah bi €3,500,000.