Awdjo: Joseph Muscat ma jikkumentax dwar dak li qal Anġlu Farrugia

Il-Mexxej Laburista ma jridx jgħaddi ebda kumment dwar dak li qal Dr Anglu Farrugia f’intervista ma’ The Sunday Times.

Mistoqsi mill-ġurnalisti waqt attività politika quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal ġdid, dwar dan il-każ, Dr Muscat, għal darbtejn tlieta qal li kull mistoqsija li se ssirlu fuq Anglu Farrugia, hu mhux ser iwieġeb.

Madankollu, Dr Muscat irringrazzjah għall-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista. Mistoqsi dwar kuntratturi li jiffinanzjaw lill-Partit, Dr Muscat qal li l-Prim Ministru l-bieraħ ma kellux għalfejn isemmi din il-kwistjoni għax fil-mezzi tax-xandir ilbieraħ ħareġ li l-Partit Nazzjonalista għandu kuntatti diretti ma’ negozjant partikolari, f’dan il-każ Żaren Vassallo.

Dr Muscat qal li “l-Prim Ministru huwa ostaġġ ta’ klikka li ħakmitu”.

Mistoqsi minn Newsbook dwar il-kummenti ta’ Anglu Farrugia dwar li l-PL qed jitbiegħed mill-valuri veri tiegħu, Dr Muscat qal li l-PL huwa l-partit tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer, Dr Muscat qal li se jagħti prijorità biex tingħata għajnuna mmedjata lill-pazjenti morda b’tipi ta’ kanċer avvanzati. Kompla jgħid li se jsaħħaħ il-ġlieda kontra d-dijabete u se jkollu diskussjonijiet mal-Għaqdiet Mhux Governattivi f’dan il-qasam biex jaraw kif jinħolqu strutturi personali.

Reġa’ saħaq li se jinvesti €8 miljun aktar fiċ-ċentri tas-saħħa u dan biex tonqos il-pressjoni fuq l-isptar Mater Dei.