Joseph Muscat lest iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Bord tal-Inkjesta

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat wera l-intenzjoni li għada jidher quddiem il-Bord tal-Inkjesta maħtur għall-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu.

Muscat issejjaħ biex jixhed għada quddiem il-Bord immexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena li tinqatel il-ġurnalista, u anke biex jiskrutinja l-aġir tal-Istat wara l-qtil.

Is-segretarja tal-Bord qalet fil-qorti lbieraħ li meta l-marixxalli tal-Qorti marru bit-taħrika fir-residenza tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, din ingħatat lil missieru, u għalhekk ma kienx magħruf hu aċċettax li jitla’ jixhed. Madankollu, t-Times of Malta llum ippubblikat kummenti li għaddielha l-eks Prim Ministru li lest jattendi u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Bord li ħatar hu stess.

Muscat se jkun l-aktar persuna meqjusa ta’ profil għoli li qatt xehdet f’din l-inkjesta pubblika.

Bħala l-eks Prim Ministru, u l-Prim Ministru li kien fil-poter meta seħħ l-assassinju, uħud mill-mistoqsijiet li jsiru lix-xhieda waqt l-inkjesta huma dwar Muscat u t-tmexxija tiegħu. Il-Bord qed jinvestiga jekk setax kien hemm kultura ta’ impunità fit-tmexxija li setgħet wasslet għall-qtil tal-ġurnalista jew affettwatu b’xi mod.

Il-mistoqsijiet jirrigwardaw ukoll l-iskandlu tal-Panama Papers, l-aġir tal-Gvern wara li nkixef dan l-iskandlu, 17 Black, ir-relazzjoni tal-politiċi ma’ Yorgen Fenech, u r-relazzjoni tal-politiċi ma’ Daphne Caruana Galizia.

Il-ġimgħa li għaddiet xehed l-eks Ministru Konrad Mizzi, li kien wieħed mill-Ministri msemmija fil-Panama Papers, żvelati f’Malta minn Caruana Galizia. Huwa għażel li ma jwiġibx għall-maġġoranza tal-mistoqsijiet billi għaddejjin inkjesti oħrajn fuqu. Wieġeb biss biex jgħid li hu ma rċeviex kickbacks mill-ebda xogħol tal-Gvern li wettaq.

L-eks Prim Ministru ħabbar ir-riżenja tiegħu f’Diċembru tas-sena li għaddiet, wara għadd ta’ żviluppi fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista. Huwa kemm-il darba qal li bir-riżenja tiegħu, ħallas l-akbar prezz politiku.

F’Novembru tal-2019 ġie arrestat Yorgen Fenech, li għaddejjin proċeduri fil-qorti kontrih għaliex hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju. Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black, u kien direttur tat-Tumas Group, kif ukoll parti mill-konsorzju tal-Electrogas.

Imbagħad irriżenja Keith Schembri, li kien Chief of Staff ta’ Muscat, wara li Fenech semmieh bħala mandant fl-assassinju. Schembri dejjem ċaħad dan, u għadu qed jiġi investigat mill-Pulizija.

F’Awwissu, Muscat ġie interrogat b’rabta mal-investigazzjonijiet fuq l-assassinju tal-ġurnalista.