Joseph Muscat jitkellem dwar il-prijoritajiet tal-Baġit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-prijorità tal-Gvern fil-Baġit li jmiss se tingħata lill-infrastruttura tat-toroq u l-pjan tal-Gvern li jirranġahom fi żmien seba’ snin.
Waqt kollegament telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem fuq sistema ġdida dwar kif jinbnew u jittranġaw it-toroq ta’ Malta u Għawdex.
Dr Muscat qal li fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jimbarka fuq eżerċizzju ta’ capacity building fejn mhux il-Gvern jonfoq aktar imma l-kundizzjonijiet tat-toroq jibqgħu kif ikunu.
Fi kliemu, jekk isir hekk, il-Gvern ikun “qed iraqqa’ l-pannu bil-qargħa ħamra.”
Il-Mexxej Laburista qal li bħalissa għaddejin diskussjonijiet u wiegħed li se jkun hawn struttura b’saħħitha u immaniġġjar serju tat-toroq, fejn in-nies se jħossu d-differenza.
Dwar il-Baġit kollu kemm hu, il-Prim Ministru qal li se jkun wieħed ta’ kontinwazzjoni fejn il-Gvern se jżomm mal-istrateġija tal-aħħar erba’ snin.
Tkellem ukoll dwar il-prijoritajiet tal-Gvern għal meta jerġa’ jiftaħ il-Parlament u qal li fuq nett tal-aġenda se jkun hemm il-kwota tal-irġiel u n-nisa fil-Parlament.
Dr Muscat qal ukoll li se jiddiskuti mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar bidliet, riformi u ħatriet fosthom il-ħatra ta’ Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għas-surplus tal-Gvern fl-ewwel kwart tas-sena u qal li dawn ir-riżultati ekonomiċi mhux qed isiru b’kumbinazzjoni u huma prova li mhux xi ħaġa ta’ qabel l-elezzjoni biss.
Saħaq li minkejja li l-Oppożizzjoni beżżgħet lill-votanti qabel l-elezzjoni, il-Gvern wera li s-surplus ma kienx ta’ darba u Malta rreġistrat l-akbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea.