Filmat: Joseph Muscat jispjega għaliex issejjaħ id-Depot

Aġġornat 11:13 AM

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat issejjaħ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kmieni llum waranofsinhar b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li sar fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti hekk kif ħareġ mid-Depot, Dr Muscat qal li hu wieġeb għall-mistoqsijiet kollha li staqsewh il-Pulizija, li fi kliemu diġà kienu fil-midja. Sostna għal darba darbtejn li l-Pulizija kkonfermatlu li hu mhux jiġi investigat b’rabta mal-qtil.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li Dr Muscat intalab imur id-Depot għall-ħabta tas-2pm. Hu mifhum ukoll li dalgħodu kien hemm telefonata bejn Joseph Muscat u Keith Schembri. Meta l-ġurnalisti staqsewh jekk tkellimx ma’ Schembri riċentament, huwa qal li jkellem lil kulħadd, imma lil ħadd b’mod frekwenti.

Ftit wara l-kummenti tiegħu lill-midja, Muscat kiteb l-istess kummenti fuq Facebook.

Illum mort il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn weġibt għal mistoqsijiet dwar punti fir-rigward ta’ stqarrija li kien…

Posted by Joseph Muscat on Friday, August 21, 2020

L-istess sorsi żiedu jgħidu li mhux eskluż li Joseph Muscat jiġi mwissi li dak li jgħid jista’ jintuża kontrih.

Esperti legali spjegaw li meta persuna tissejjaħ id-Depot mill-Pulizija, tinqara din it-twissija biex tfakkar lill-persuna dwar id-drittijiet tagħha fost l-oħrajn dak biex ma tinkriminax lilha nnifisha. Żiedu jgħidu li f’dak l-istadju l-persuna tkun ta’ interess għall-Pulizija imma mhux taħt arrest.

Muscat staqsa lil Fenech jissemmiex Keith Schembri – Times

Intant, skont is-sit timesofmalta.com, din l-interrogazzjoni se seħħ wara l-allegazzjonijiet li għamel Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne. Il-ġurnal żvela li f’Novembru li għadda Fenech qal lill-investigaturi li Muscat kien staqsih jekk iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, kienx issemma fir-rekordings tas-sensar fl-assassinju Melvin Theuma. Is-suspettat qal li hu kien assigura lill-eks Prim Ministru li kien qed jagħmel l-almu tiegħu biex jipproteġi lil Schembri. Mat-Times f’Novembru li għadda, Muscat ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li għamel Fenech.

Barra minn hekk, il-MaltaToday qalet li Fenech kien allega li hu u Muscat iddiskutew lil Melvin Theuma fil-bidu tal-2019, darba fil-festin ta’ għeluq snin l-eks prim ministru fil-Girgenti u l-oħra meta ssejjaħ għal-laqgħa ma’ Muscat u Schembri f’Kastilja.