Joseph Muscat jippromwovi ċ-ċittadinanza fi tliet kontinenti

Matul it-tliet xhur li ġejjin, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun impenjat bil-promozzjoni tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment.
Il-Prim Ministru se jkun wieħed mill-kelliema waqt konferenza li se ssir fil-lukanda Four Seasons fi New York fl-Istati Uniti fl-10 ta’ Settembru li ġej.
F’Ottubru, Joseph Muscat se jkun qed jindirizza breakfast seminar organizzat minn Henley & Partners f’Londra fir-Renju Unit.
Dan is-seminar se jsir fit-8 ta’ Ottubru u se jittella’ fil-Kummissjoni Għolja Maltija f’Malta House.
Fost il-kelliema se jkun hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Jonathan Cardona li se jagħti rendikont tal-iskema fl-ewwel sitt xhur mit-tnedija.
F’Novembru, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun impenjat ukoll fit-tmin konferenza globali dwar iċ-ċittadinanza u r-residenza li se ssir fil-lukanda Fullerton f’Singapor.
L-iskema taċ-ċittadinanza daħlet fis-seħħ fi Frar li għadda u huma qrib il-200 dawk il-persuni li applikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.
Dan ifisser investiment dirett ta’ aktar minn €100 miljun għalkemm l-ebda ċittadinanza Maltija ma ngħatat lill-applikanti.
Dan għaliex il-Kummissjoni Ewropea qed titlob residenza ta’ sena fuq l-applikanti għall-iskema.
Huwa l-pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea li jiddeċiedi fuq ċ-ċittadinanza li tingħata lil ċittadini ta’ pajjiżi oħra.
Għalkemm it-tendenza hija li japplikaw l-iktar ċittadini Ċiniż, Russi, Afrikani u mil-Lvant Nofsani, ma tistax tingħata ċ-ċittadinanza lil persuni li ġejjin minn pajjiżi li huma milquta minn sanzjonijiet internazzjonali bħall-Iran u s-Sirja.