Aġġornata: Joseph Muscat jinganna anke bl-anzjani – PN

Il-Partit Nazzjonalista ddeskriva bħala gidba, li l-Gvern Laburista żied għall-ewwel darba l-pensjoni.
Fi stqarrija. il-Kelliema tal-PN għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem għall-Anzjani Robert Cutajar, ikkundanaw “l-ingann tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jigdeb lill-anzjani biex mingħalih jiskorja xi punti politiċi”.
Saħqu li Muscat iddiskrimina mal-anzjani minħabba li 75,000 pensjonant mhux se jieħdu ż-żieda fil-pensjoni.
Huma qalu li l-Partit Nazzjonalista ħadem biex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Sostnew li minbarra żidiet fil-pensjoni tal-għoli tal-ħajja, Gvern Nazzjonalista nieda skemi li jinċentivaw l-anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol u ta l-għotja ta’ €300 lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fi djarhom.

Temmew jgħidu li  “Muscat mhux veru jrid li l-anzjani f'Malta jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Muscat jagħmel sinjur lil min irid hu, filwaqt li lil ħaddieħor iħallih għal riħu. Konferma ta’ dan toħroġ miż-żieda ta’ 2,500 fl-għadd ta’ anzjani li jinsabu fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna”.
Reazzjoni Partit Laburista
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-PN għadu ma fehemx id-differenza bejn iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tingħata lill-anzjani u żieda effettiva fil-pensjonijiet, minbarra l-kumpens li sempliċiment jagħmel tajjeb għaċ-ċaqlieq fil-prezzijiet.

Il-PL qal li Simon Busuttil għandu jistaqsi lill-anzjani jekk din hix l-ewwel żieda fil-pensjonijiet f'25 sena.