Joseph Muscat jifrex is-sodda bil-lest – Salvu Felice Pace

Opinjoni ta’ Salvu Felice Pace

It-teknoloġija moderna tal-informatika rnexxielha teqred ħafna l-paċenzja li kellna fil-passat biex nistennew ftit żmien qabel ma nagħmlu l-kummenti tagħna bħala kittieba ta’ kull xorta. Illum waqajna għall-immedjatezza. Ġrajja li seħħet fi-tmienja ta’ filgħodu hawn min ikun irid l-istorja tagħha f’temp ta’ ftit minuti. Għax il-bejgħ tal-aħbar qabel ħaddieħor jiddetermina l-veloċità li biha toħroġ l-istorja tal-istess aħbar. L-għaġla ħafna drabi tirbaħ fuq l-eżattezza tad-dettalji. U hekk jiġri wkoll lix-xiehda li tingħata fil-qrati jew f’xi inkjesta pubblika.

Joseph Muscat ta mhux biss xhieda l-ġimgħa l-oħra iżda wkoll għamel diversi stqarrijiet ippreparati. Inkiteb pataflun dwar din ix-xhieda u hekk kien mistenni. Mhux kulħadd qal l-istess iżda kważi, hekk hu l-ġudizzju tiegħi wara li qrajt kemm stajt, iżda mhux kollox.

L-għan ta’ Muscat kien li jifrex is-sodda għall-konklużjonijiet li għad iridu joħorġu mit-tliet imħallfin li qed imexxu l-inkjesta dwar is-sehem tal-Istat fil-prevenzjoni u l-eżekuzzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalhekk l-ewwel stqarrija tiegħu li l-inkjesta kissret ir-regoli tal-imparzjalità u li ċediet għall-kurżitajiet u t-trivjalità. Muscat kellu żmien twil jipprepara ruħu. Kellu l-vantaġġ li ma kellhomx xhieda oħrajn. Sema’ ħafna u għażel xi jsemmi biex jipprova jgħatti, ibiddel, jirfina, jiżvija u jikkuntrasta. Dejjem għajnejh ‘il bogħod mill-immedjatezza, iżda ffukati fuq l-eżitu eventwali tal-inkjesta li fl-aħħar mill-aħħar kienet ġiet imposta fuqu, għax li kien għalih qatt ma seħħet. 

Iżda Muscat wera li kellu pjan ieħor u din mhix xi ħaġa ġdida għalih. Aktar ma jikkomplika l-affarijiet, aktar se tkun diffiċli li toħroġ il-verità kollha. Għamel hekk fil-passat kultant b’mod metodiku u kultant b’mod sistematiku. Il-metodu wżah fit-twaqqif tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant. Ħadem pjan preċiż li eżegwixxa biss meta l-ajruplan tal-Bank Pilatus kien telaq u ġarr dak li kellu jġorr u t-termini tal-inkjesta kienu preċiżi biex ir-riżultat tal-inkjesta jkun dak li kien. Anke d-dmugħ kien ġera f’ħin preċiż mat-tħabbir tiegħu ta’ parti mir-riżultat, naturalment il-parti li kienet taqbel lilu.

U l-mod sistematiku kien ħareġ mix-xhieda li taw diversi persuni ferm qablu fl-inkjesta dwar Daphne. Kull tfittix li kien sar dwar l-iskandli li kienet kixfet Daphne u oħrajn kellu bżonn l-imbuttatura tal-Avukat Ġenerali li kien extra kawt u li kien ta pariri biex ma jkunx hemm għaġla żejda jew indħil żejjed. U fuq kollox ħalla l-istituzzjonijiet investigattivi mingħajr ir-riżorsi meħtieġa biex anke jekk dawk li kellhom ir-rieda li jinvestigaw sura ta’ nies, ma jkollhomx l-għodda meħtieġa.

Muscat wera tul is-snin li huwa korjografiku tal-użu tal-ħin. Ħin biżżejjed biex jagħtih ċans jaħbi dak li kien jaqbillu jaħbi biex jekk u meta l-ħeba tinkixef ikun jista’ juża l-mogħdija taż-żmien għall-vantaġġ tiegħu. U l-istess tattika jużaha fl-użu tal-kliem Stat u vittma. Jidħol u joħroġ mill-kunċett tal-Istat skont l-okkażjoni b’kapaċità ta’ serp li jaf jiżgiċċa biex ma jisfax maqbud. Il-vittma li ġiet sploduta f’elf biċċa kkawżat bħala vittma l-karriera politika tiegħu. X’biċċa dik! L-assassinju ta’ Daphne ħassarlu l-kalkoli li kien għamel minn qabel dwar meta u kif joħroġ mix-xena politika bħala l-Invictus li l-poplu għad jibqa’ grat lejh għal dejjem.