​The Daphne Project: Joseph Muscat jiddubita mir-ruling tad-Deputat Speaker

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat esprima dubju dwar ir-ruling tad-Deputat Speaker Claudette Buttigieg din il-gimgħa, fejn laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex il-Kamra tiddiskuti b’urġenza r-rapporti li ħarġu minn The Daphne Project.
Waqt kollegament telenfoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista ONE Radio, Joseph Muscat qal li l-Gvern jirrispetta l-istituzzjonijiet anke tad-Deputat Speaker, minkejja li fi kliemu kien hemm qbil li r-ruling m'għandux preċedent u wisq inqas spjegazzjoni.
Dwar din id-diskussjoni, Muscat qed jappella għat-trankwilità u kalma. Qal li rċieva ħafna messaġġi ta’ appoġġ u li se jkompli jagħmel dak li jemmen li hu tajjeb għal Malta.
Skont żewġ xhieda li tkellmu mal-ġurnalisti tal-“Proġett Daphne”, il-Ministru Cardona allegatament kien wieħed minn dawk li ġieli ntlemaħ jixrob mas-suspettati tal-qtil tagħha.
Ġie żvelat ukoll li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija f’Dubaj imniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi.
Schembri, Mizzi, u Cardona ċaħdu l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħhom.
“Riperkussjonijiet fuq min jigdeb biex iħammeġ isem Malta”
Il-Mexxej Laburista qal li jkun hemm riperkussjonijiet fuq min jipprova jħammeġ isem Malta. Skontu dawn ir-riperkussjonijiet jagħtihom il-poplu.
Fi kliem Muscat, wieħed m’għandux jaqta’ l-kundanna biex imbagħad jitlob li ssir investigazzjoni wara.
Enfasizza li l-aqwa risposta għall-allegazzjonijiet li saru tingħata fl-1 ta’ Mejju waqt il-mass meeting tal-Partit Laburista.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.