Joseph Muscat jgħid li stat lajk għandu jkollu diviżjoni bejn iż-żwiġijiet

Waqt id-dibattitu ta’ 60 minuta mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir, il-Mexxej Laburista Dr Joseph muscat tkellem dwar il-ħtieġa li l-Istat u l-Knisja jkunu separati minn xulxin.

Mistoqsi minn Newsbook dwar il-fatt li fil-programm elettorali tal-Partit Laburista hemm miktub li s-separazzjoni għandha ssir “f’qafas ta’ rispett reċiproku”, Dr Muscat wieġeb li din trid tkun ċara. Qal li dan ma jfissirx li l-Istat u l-Knisja għandhom jisfidaw lil xulxin, imma jikkolaboraw.

Dr Muscat qal li minkejja li jaħseb li l-Kristjaneżmu hu parti mill-wirt Malti, stat lajk għandu jkollu diviżjoni ċara, l-iktar fejn jidħol iż-żwieġ. Qal li Gvern Laburista jrid jagħti każ il-komunitatjiet iż-żgħar li jgħixu f’Malta u li mhumiex marbuta ma’ ebda reliġjon. Sostna li dawn m’għandhomx ikollhom pressjoni ta’ mudell wieħed.

Semma’ kif il-Partit Laburista qed jipproponi li l-iskejjel tal-Knisja għandu jkollhom Kurrikulu għalihom.

Minkejja li m’hemmx miktub fil-programm elettorali, Dr Joseph Muscat ikkonferma li l-proġett tal-enerġija se jitlesta fiż-żmien stipulat, jiġifieri f’sentejn.

Dwar il-pipeline, Muscat qal li minkejja l-Gvern irnexxielu jġib €63 miljun mill-Unjoni Ewroepa biex ikopri l-ispejjeż, sa issa għadu mhux magħruf minn fejn se jġib il-kumplament tal-flus biex ikopri l-proġett li qal, jiswa €700 miljun. Dr Muscat qal li bi ħsiebu juża l-fondi tal-UE u jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea kif se jaslu l-kumplament tal-flus li hemm bżonn.

Għamel referenza wkoll għas-somma ta’ €600,000 li Malta se tagħti lill-provinċja ta’ Ragusa u staqsa min se jħallas din is-somma.

Mistoqsi dwar il-każ ta’ Dr Anġlu Farrugia, il-Mexxej Laburista qal li l-bieb għadu miftuħ għal kulħadd. Qal li kien Dr Farrugia li fil-jiem li għaddew ħa d-deċiżjoni li jirrappreżenta lill-Partit Laburista f’konferenza internazzjonali.

Qal li minkejja li mmilita kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, meta kien Membru Ewro Parlamentari ħadem mingħajr kuluri.

Il-Mexxej Laburista qal li għad għandu fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija u li ġieli għaddielu każi għall-investigazzjoni.

Ritratti: Daniel Balzan