Awdjo: Joseph Muscat jgħid li l-PN qata’ qalbu milli jgħid il-proposti

Dalgħodu l-mexxej Laburista qal li għall-kuntrarju ta’ ħaddieħor, il-Partit Laburista biss qed jitkellem fuq il-proposti tal-ħames snin li ġejjin. Qal ukoll li filwaqt li l-PL qed jagħmel kampanja pożittiva, ħaddieħor qed jagħmel kampanja mimlija attakki personali.

Saħaq li dawn l-attakki personali jfissru li l-bniedem spiċċa bla argumenti. Waqt li kien qed iżur is-suq taż-Żejtun, Dr Muscat qal lill-partitarji Laburisti preżenti li jekk jitla’ fil-gvern, se jkollhom roħs ta’ 35% fil-kont tad-dawl.

Fost għajjat u ċapċip, Dr Muscat irrefera ukoll għall-aħħar bilboard tal-PN b’wiċċ aħmar u blu, u qal li hu ma jridx pajjiż fejn il-gvern jimxi skont l-kulur tal-uċuh. Qal li għandna nitbedu mill-politika tal-firda u nħaddnu politika tal-bidla.