Joseph Muscat jgħid li bi ħsiebu jwettaq ir-riformi li ma wettaqx il-Gvern: il-MEPA u t-trasport pubbliku

F’attività politika mmirata għaż-żgħażagħ f’San Ġwann, il-Mexxej Laburista qal li jekk jitla’ fil-Gvern se jindirizza l-iktar kwistjonijiet li l-Partit Nazzjonalista ma rnexxielux jagħmel riforma tagħhom fosthom semma: il-MEPA u s-servizz tat-trasport pubbliku.

Mistoqsi dwar it-trasport pubbliku, Joseph Muscat qal li din ir-riforma kienet waħda mill-ikbar fjaski, li tnaqqas mill-kredibilità tal-Partit Nazzjonalista. Fil-waqt li sellem lill-ħaddiema kollha tal-Arriva għax-xogħol tagħhom, Dr Muscat żied jgħid li kemm ilha li daħlet ir-riforma, żdied it-traffiku f’pajjiżna, għalhekk falla l-ikbar għan tas-sistema, li kienet studjata minn Transport Malta.

Dwar il-bida li jrid jagħmel fil-MEPA, Joseph Muscat qal li din se ġġib anqas kumplikaġni, u aktar kontabbiltà. Saħaq li permezz tal-proposti, il-Partit Laburista se jkun qed jagħti leħen lill-Awtorità tal-Ambjent, lill-għaqdiet ambjentali, u anke lill-Kunsill Lokali tal-lokal milqut minn proġetti maġġuri. Saħaq li b’hekk se jkun qed jingħata leħen akbar liċ-ċittadini.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-professjoni tal-għalliema li għandha tingħata r-rispett mitħoqq filwaqt li għandha tiżdied is-sigurtà fl-iskejjel.

Tkellem ukoll dwar id-drittijiet ċivili u kif il-Partit Laburista bi ħsiebu jdaħħal id-dritt ta’ unjoni ċivili u kif persuni li jirrappreżentaw il-komunità LGBT se jkunu jistgħu jagħtu pariri lill-Gvern.

Dr Muscat enfasizza wkoll il-bżonn li aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u ddeskriva lin-nisa bħala s-salvazzjoni tal-kwistjoni tal-pensjonijiet.