Awdjo: Joseph Muscat jammetti li kien jaf b’każ ta’ droga … imma f’Ċentru Laburista ieħor

Il-Mexxej Laburista dalgħodu qal li kien jaf b’każ partikolari ta’ abbuż mid-droga f’Ċentru Laburista imma qal l-abbuż ma sarx fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħ’Attard. Muscat qal li sa nhar il-Ħadd li għadda hu dejjem ċaħad li jaf b’illegalità għaliex il-mistoqsijiet li kienu qed isiru kienu dwar il-Każin Laburista f’Ħ’Attard. Kien il-Ħadd filgħaxija li nduna li l-każ kien ġara f’Ċentru Laburista ieħor.

Dwar l-ittri li l-Mexxej Laburista rċieva mingħand barman ta’ Ċentru Laburista, li qed jingħad li hu ta’ Ħal Safi, b’rabta mal-każ tal-‘blokka l-bajda’, Joseph Muscat qal li Dr Toni Abela neħħieh mill-bar minħabba suspetti li kien qed iħeġġeġ l-abbuż mid-droga.

Filwaqt li ma kkonfermax jekk dan il-każ tal-blokka l-bajda sarx fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħal Safi, il-Mexxej Laburista qal li sta għal Partit Nazzjonalista biex jgħid dan.

Mistoqsi mill-ġurnalisti waqt żjara fuq il-campus tal-Università, Joseph Muscat qal li minkejja ma hemmx provi ċari dwar l-abbuż mid-droga u ħadd ma jrid jixhed, il-Partit Laburista bbaża din id-deċiżjoni fuq informazzjoni ta’ terzi persuni li ddeskrivihom bħala serji.

Muscat qal li dan il-barman kitiblu żewġ ittri u ltaqa’ miegħu wara sentejn. Waqt il-laqgħa qallu li hu ma missx ma’ droga imma “kien qed iqatta’ blokka silġ”. Joseph Muscat qal li xorta rrifjuta t-talba biex jerġa’ jidħol fil-każin, anke biex ma jwaqqax il-kelma tad-Deputat Mexej Toni Abela. Dwar il-fatt li fl-ittra tiegħu, il-barman qal li fil-kċina tal-bar “daħlu żewġ żgħażagħ u firxu xi trab”, Muscat wieġeb li fil-fehma tal-Partit, il-barman irid iħammeġ lil ħaddieħor.

Staqsa lill-Partit Nazzjonalista liema hi l-verżjoni t-tajba: jekk hux dik li l-barman kien involut f’każ ta droga jew inkella f’każ ta’ blokka silġ.

Dwar il-każ ta’ ġlieda fiċ-Ċentru Labursita tar-Rabat, Dr Muscat qal li n-nies involuti ma kienux Rabtin u lanqas minħabba kwistjoni politika.