Aġġornata: Joseph Muscat jagħti x’jifhem li mhux se jirriżenja

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ta x’jifhem li jista’ jkun li jibqa’ Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru wara l-elezzjoni li jmiss, meta lin-nies miġbura qalilhom li hu dejjem għamel dak li talbu l-poplu u mhux beħsiebu jieqaf nofs triq issa.
Dr Muscat kien qed jindirizza attività politika tal-partit fil-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi, meta rrimarka li meta ħass li l-poplu qed jitolbu li jmur jirrappreżentah fil-Parlament Ewropew mar, u meta talbu biex jiġi Malta biex imexxi lill-Partit Laburista għamel hekk ukoll.
Hu kien għadu kif irrefera għal dak li qal is-Sibt li għadda waqt il-programm Għandi xi Ngħid fuq ix-xandir nazzjonali, meta enfasizza li xejn mhu se jbiddillu fehemtu, u li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Kien hawnhekk li n-nies li nġabru f’Ħal Qormi aktarx assumew li l-PM kien qed jgħidilhom indirettament li reġa’ ħasibha dwar dan, u kien hemm kommossjoni.
Madankollu Dr Muscat ma qalx espliċitament li se jerġa’ jikkontesta, iżda rrimarka li l-poplu jifhem dak li jidhirlu jrid jifhem minn dan, filwaqt li sostna li l-pajjiż irid ikun ippreparat għall-elezzjoni tal-PE s-sena d-dieħla.
“Fil-passat tmexxejna mid-dilettanti”
Waqt id-diskors li għamel, il-PM għamel differenza bejn li tamministra l-pajjiż, u li tmexxi l-pajjiż.
Sostna li meta tamministra tkun qed tħalli l-affarijiet jimxu waħedhom, iżda meta tmexxi jkollok viżjoni u tressaq il-pajjiż lejha.
Qal li fil-passat il-pajjiż tmexxa minn gvern li kien jamministra, li ddeskrivieh bħala “dilettant”, u qal li din kienet il-problema ta’ Malta.
Hawnhekk semma bosta sfidi, li fi kliemu Gvern Nazzjonalista ma kellux tweġiba xierqa għalihom għax kien “dilettant”, fosthom il-pilloli put of stock jew il-falliment tal-Airmalta.
Dr Muscat qal li qed jistenna li jasal dak iż-żmien meta l-Oppożizzjoni tibda tikkopja l-istil ta’ tmexxija tiegħu, u mhux tinħela fit-tgergir. Irrimarka li l-Partit Laburista għandu dottorat fl-oppożizzjoni ara 25 sena, u hawnhekk enfasizza li meta tkun fl-Oppożizzjoni bit-tgergir forsi n-nies iċapċpulek, iżda ma jivvutawlekx.
L-Airmalta se żżid aktar rotot
Il-PM ħabbar waqt id-diskors li l-Airmalta l-ġimgħa d-dieħla se żżid żewġ vjaġġi oħra, wieħed bejn Sqallija u Londra, u ieħor bejn Sardinja u Londra. Dan barra l-vjaġġ miftuħ bejn Sqallija u Vjenna mħabbar fil-jiem li għaddew.
Żied jgħid li dan hu l-istil tiegħu ta’ tmexxija, jiġifieri li tkun l-ewwel b’ideat ġodda sabiex tilħaq il-miri, f’dal-każ li l-linja nazzjonali tal-ajru tkun il-linja nazzjonali tal-Mediterran.
Il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment
Dr Muscat irrimarka li l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment hu l-aqwa wieħed fid-dinja, u din hija waħda mir-raġunijiet għala l-Gver qed jiġi kkritikat dwaru.
Qal li l-oħra hija minħabba t-tixwix ta’ dawk li “huma minn ta’ fostna”.
Ħabbar li l-programm se jsir aħjar, u mhux jitwaqqaf, għax l-isfidi wieħed irid jilqagħhom mhux jaħrabhom.
Semma kif waqt diskursata li kellu ma’ professur tal-kardjoloġija, dan tal-aħħar qallu li kien ilu snin jitlob biex tinxtara magna apposta li ftit hawn bħalu fid-dinja, biex pazjenti jikkuraw ruħhom Malta mhux isiefru.
Dr Muscat qallu li l-professur irrimarka li l-apparat issa nxtara bil-flus mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Bl-istess mod il-Mexxej tal-PL semma ż-żieda lill-għalliema, il-blockchain u l-cryptocurrencies, u l-kannabis medika.
It-tliet sptarijiet
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet fi ftehim mal-privat, u fakkar li sabiex Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex isirulhom il-bidliet li kellhom bżonn, bilfors kellu jsir il-ftehim mal-privat, inkella kienet tieħu aktar fit-tul.
Temm jgħid li jirrpeferi jaqla’ kritika ħarxa dwar dan, milli jħalli sptarijiet fl-istat ta’ telqa li tħallew minn Gvern Nazzjonalista.