It-tħabbira tar-riżenja ta’ Muscat tista’ tkun imminenti

Aġġornat 01:12 PM

Read in English.

Flok mass meeting fil-Fgura, Joseph Muscat sejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista fil-Girgenti.

L-attività quddiem il-Palazz tal-Girgenti hija waħda pjuttost movimentata hekk kif il-mezzi tax-xandir jinsabu kollha lesti biex jirrapportaw l-aħħar żviluppi dwar ix-xena politika f’pajjiżna.

13:00pm Il-Prim Ministru Joseph Muscat iħalli l-Palazz tal-Girgenti fit-tmiem il-laqgħa tal-grupp parlamentari Laburista mingħajr ma jieqaf bil-karozza biex jgħaddi l-kummenti tiegħu lill-media.

12:50pm: LIVE MILL-GIRGENTI -Jibdew ħierġin il-membri parlamentari Laburisti wara l-laqgħa ta’ dalgħodu.

Ftit wara s-12.45pm bdew ħerġin il-Membri Parlamentari Laburista mill-Girgenti. L-ewwel ma ħarġu kienu s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, l-MP Rosianne Cutajar, il-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

11:20am Il-laqgħa ilha għaddejja għal aktar minn sagħtejn u s’issa sieket perfett min-naħa ta’ ġewwa tal-palazz tal-Girgenti. Jidher li għal-laqgħa hemm preżenti ukoll l-Ministru Chris Cardona li ssospenda lilu nnifsu sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet dwaru b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

0915am Il-Ministri Carmelo Abela u Edward Scicluna, kif ukoll d-deputat Manuel Mallia waslu l-Girgenti.

0912am Jasal ukoll il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera li lbieraħ stqarr li spiċċa żmien in-numri u s-surveys u li hemm bżonn li l-Gvern irid illum qabel għada jkompli jaħdem biex iġib l-istabbiltà neċessarja. 

09:05am Jasal ukoll il-Ministru Evarist Bartolo li dalgħodu kiteb fuq facebook li jekk il-Partit Laburista ma jirreaġixxix “b’onestà u realiżmu għal dak li qed jiġri” hemm ċans li jiġrilu bħad-dinosawri, jiġifieri jispiċċa.

08:50am Il-Prim Ministru Joseph Muscat jasal fir-residenza uffiċjali tal-Girgenti.

08:35am Tidher dieħla l-membru parlamentari Ewropea Miriam Dalli, minn ħafna meqjusa bħala waħda mill-papabbli li tista’ tieħu post Joseph Muscat. L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli lbieraħ rrikorriet għall-Facebook biex tgħaddi r-rimarki tagħha dwar l-iżviluppi fis-sitwazzjoni politika tal-pajjiż u esprimiet ir-rabja tagħha għal fatt li hi tinsab irrabjata u traduta. Dan ġab ir-reazzjoni ta’ iben il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Matthew li talabha tieqaf tibki u tagħmel xi ħaġa. 

0825am L-eks Ministru Konrad Mizzi ukoll hu preżenti fil-Girgenti. Mizzi rreżenja minn Ministru iżda qal li se jibqa’ jservi lin-nies li eleġġewh fil-parlament.

08:00 am Il-Ministri, segretari parlamentari kif ukoll membri parlamentari qegħdin jissejħu fil-Palazz tal-Girgenti fejn nifhmu li se ssir laqgħa dwar is-sitwazzjoni politika preżenti.