L-eks Prim Ministru Joseph Muscat illum xehed fl-inkjesta pubblika li qed tara jekk kienx hemm nuqqas min-naħa tal-istat li seta’ evita l-qtil tal-ġurnalista. Muscat huwa l-aktar persuna meqjusa ta’ profil għoli li qatt xehdet f’din l-inkjesta pubblika.
Hu u ħiereġ mill-Qorti, marru fuq Muscat diversi ġurnalisti li ppruvaw jagħmlulu l-mistoqsijiet tagħhom. Fost l-oħrajn staqsewh jekk hux se jafda fir-riżutati li se joħorġu minn din l-inkjesta. Dan hekk kif propju qabel ma beda x-xhieda tiegħu, Muscat ikkritika l-mod li bih kienet qed titmexxa din l-inkjesta. Lill-ġurnalisti, Muscat qalilhom li kieku ma jafdax fir-riżultat li se jinħareġ mill-bord ta’ inkjesta, ma kienx se jkun fil-Qorti llum.
14:15 Grazzi talli segwejtuna.
14:15 Is-smigħ li jmiss se jsir nhar it-Tnejn li ġej fid-9.30am.
14:14 Muscat se jkun qed iwieġeb il-mistoqsijiet dwar is-servizzi sigrieti wara bibien magħluqa.
14:14 Il-midja, il-pubbliku u l-avukati ntalbu joħorġu mill-awla.
14:11 Ix-xhieda ta' Muscat se tkompli wara bibien magħluqa.
14:10 Muscat qal li jrid jagħmel ċerti dikjarazzjonijiet li mhux relevanti għall-inkjesta imma jixtieq jikkjarifikahom.
L-ewwel waħda li mhux biħsiebu jirriloka f'pajjiż ieħor mal-familja tiegħu.
14:10 Il-Parte Civile m'għandhiex aktar mistoqsijiet.
14:09 Dr Comodini Cachia staqsiet jekk Keith Schembri qatt semmiex ma' Muscat ta' min kienet il-kumpanija Macbridge. Muscat qal le.
14:06 Dwar il-festin ta' għeluq sninu fi Frar tal-2019 fil-Girgenti, Muscat ikkonferma li kien hemm negozjanti oħra apparti Fenech.
14:03 Muscat qal li huwa żgur hu li ċertu affarijiet li saru nżammu bħala sigrieti mill-amministrazzjoni.
14:01 Joseph Muscat ma weġibx mistoqsijiet relatati mad-direct orders lil Nexia BT. Il-bord qal li dawn ukoll huma irrelevanti.
14:00 Il-bord irrimarka li Azzopardi kien qed jistaqsi mistoqsijiet li mhux relatati mal-inkjesta.
13:57 "Lejliet l-arrest ta' Keith Schembri, x'kien qed jagħmel għandek?" staqsa Dr Azzopardi.
"Kien qed jinfurmani li se jkun qed jirreżenja," qal Muscat.
13:52 Dr Azzopardi: "Muscat meta kien infurmat li Yorgen Fenech kien investigat b'rabta mal-qtil?"
Muscat: "Meta infurmawni l-Pulzija."
13:51 Jidħol fl-awla l-avukat Charles Mercieca. Hu jirrappreżenta lil Yorgen Fenech.
13:48 Dwar iċ-chat bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat, Dr Azzopardi qal li Muscat ħareġ minn din iċ-chat madwar xahar qabel l-arrest ta' Yorgen Fenech. Staqsa għaliex Muscat ma ħariġx minn din iċ-chat malli Fenech kien espost bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black.
13:47 Muscat ċaħad li hu ta struzzjonijiet lil Fenech biex jieħu ħsieb lil Melvin Theuma għax qed jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni.
13:42 Muscat qal li sar jaf li kien hemm leak mill-emails tal-Electrogas meta kienet fid-dominju pubbliku.
13:38 Dr Azzopardi rrefera għad-dikjarazzjoni ta' Yorgen Fenech meta qal li Keith Schembri nfurmah dwar l-arresti,
Joseph Muscat qal li hu mhux Keith Schembri u wieġeb jgħid le.
13:36 "Aktar kmieni Muscat qal li l-Prim Ministri ma jagħżlux lil min jitressaq, jista' jispega t-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo?" staqsa Dr Azzopardi.
Il-bord innutat li l-mistoqsija hija rrelevanti.
13:35 L-avukat Jason Azzopardi jibda jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.
13:33 Dwar il-maħfra presidenzjali li ma ngħatatx lil Yorgen Fenech, Muscat qal li din kienet deċiża waqt laqgħa tal-Kabinett li kienet saret tard bil-lejl. Din id-deċiżjoni kienet ittieħdet mingħajr il-preżenza tiegħu fil-laqgħa.
13:31 Dwar il-maħfra presidenzjali, Muscat qal li m'għandu l-ebda problema li ssir reviżjoni biex tistabbilixxi l-mod kif ingħatat il-maħfra presidenzjali.
"Ma kontx lest biex nagħti l-ebda maħfa presidenzjali. Kont se nagħtiha biss jekk twassal biex tinħareġ informazzjoni dwar il-moħħ wara l-assassinju," qal Muscat.
13:28 Muscat qed jirreferi għat-theddida meta qalulu li se jimplikawh fil-qtil.
13:25 Dr Comodini Ccahia: "Kont taf li Keith Schembri ltaqa' ma' Melvin Theuma f'Kastilja?"
Muscat: "Le"
13:24 Dwar jekk Keith Schembri attendiex għal-laqgħat mas-servizzi sigrieti sal-aħħar, Muscat qal li lest iwieġeb il-mistoqsija wara bibien magħluqa.
13:23 "Le, qatt ma staqsjetu dwar 17 Black," qal Muscat.
13:22 "Ladarba Muscat kellu chat fuq WhatsApp ma' Yorgen Fenech, nixtieq nistaqsih jekk kienx staqsieh dwar 17 Black meta nkixef ismu," qalet Dr Comodini Cachia.
13:19 "Qed nassumi li Muscat ma kienx jaf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black minkejja li ċ-Chief of Staff tiegħu kellu jirċievi l-flus mingħand 17 Black u Macbridge, allura Schembri kien jaf min kien is-sid tal-kumpanija 17 Black," qalet Comodini Cachia.
13:18 L-avukat Comodini Cachia qed tistaqsi dwar il-Panama Papers.
13:14 L-avukat Pawlu Lia jintervjeni fejn irrefera għal blogg miktub minn Daphne Caruana Galizia fl-24 ta' Novembru ral-2014. Daphne qalet li qed tirrifjuta li jkollha l-pulizija quddiem id-dar tagħha biex jispijjaw fuqha.
13:10 Comodini Cachia qed tistaqsi dwar id-diskrezzjoni qed jidħlu ċerti proġett.
13:05 Dr Comodini Cachia staqsiet għaliex Konrad Mizzi kien dejjem responsabbli minn Projects Malta.
Muscat qal li kienet deċiżjoni politika għax ħass li Mizzi kien kapaċi.
13:04 Jien rari kont nitkellem ma' Fenech dwar proġetti b'mod privat, spjega Muscat.
13:01 Dr Comodini Cachia qed tistaqsi dwar il-parir li ngħata mis-servizzi sigrieti biex ikompli r-relazzjoni tiegħu ma Fenech bħal qisu xejn mhu xejn meta Fenech kien diġà qed jiġi investigat.
13:00 Muscat qal li hu kien qed jirreferi għas-sitwazzjoni ta' Egrant.
12:59 Comodini Cachia qalet li l-mod kif il-politiċi rreferew għal Caruana Galizia tagħmel differenza kbira.
12:58 L-avukat qed tikkwota artiklu tal-EU Observer ippubblikat f'Ġunju tal-2017. F'dan l-artiklu Muscat irrefera għal artiki u bloggs ippubblikati bħala fake news. Dawn l-artikli u bloggs irreferew għalihom l-MEPs fl-interventi tagħhom.
12:55 Muscat jidher kemmxejn ansjuż hu u jwieġeb din il-mistoqsija.
12:53 Dr Comodini Cachia staqsiet għaliex il-Partit Laburista għamel billboards b'wiċċ Daphne Caruana Galizia fuqhom.
"Daphne saret l-Oppożizzjoni," qal Muscat.
12:52 Muscat qal li hu ma kienx responsabbli biex jistieden lill-midja.
12:51 Dr Comodini Cachia staqsiex għaliex il-kmamar tal-aħbarijiet ma kienux kollha mistiedna għall-konferenza tal-aħbarijiet dwar il-qtil tal-ġurnalista.
12:50 Dr Comodini Cachia staqsiet għaliex Muscat kien jirrifjuta li jattendi għal intervisti ma' ġurnali. Il-bord qal li din il-mistoqsija mhix relevanti.
12:49 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia oġġezzjona u struzzjona lil Dr Comodini Cachia biex tkompli bil-mistoqsijiet tagħha.
12:45 L-avukat Pawlu Lia qed joġġezzjona l-mistoqsijiet u qed jgħid li jekk il-bord ma ħassx il-bżonn li jistaqsi dawn il-mistoqsijiet li qed tistaqsi l-parte civile, dan iffiser li mhumiex ta' importanza. Akkuża lil Comodini Cachia u Azzopardi li qed jippolitiċizzaw l-inkjesta.
12:45 Xi ħadd għadu qed jaġġorna l-paġna ta' Facebook ta' Muscat b'dak li qed jgħid fil-Qorti.
12:44 Joseph Muscat qal li diġà wieġeb il-mistoqsija u m'għandux iktar xi jgħid.
Il-ord issuġġerixxa li Muscat diġà wieġeb il-mistoqsija.
12:43 Muscat qal li ma kienx qed jagħti permess imma lanqas ma kien qed joġġezzjona.
12:43 Muscat qal li Henley and Partners kienu qed jiddefendu l-interessi tal-pajjiż.
12:41 L-avukati Pawlu Lia u Charlon Gouder li qed jirrappreżentaw lil Muscat qed joġġezzjonaw il-mistoqsijiet ta' Comodini Cachia.
12:39 Dr Comodini Cachia qed tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha dwar l-emails mingħand Henley and Partners li Schembri u Muscat kienu inklużi fihom. L-email tikkonċerna l-azzjoni legali kontra l-ġurnalisti.
12:38 Dr Comodini Cachia tibda tistaqsi l-mistoqsijiet tagħha.
12:34 Muscat qal li wara li Keith Schembri rreżenja hu ngħata l-parir li jsejjaħ elezzjoni ġenerali imma rrifjuta li jagħmel dan.
12:33 Il-bord qed ikompli jistaqsi lil Muscat dwar ir-reżenja tiegħu u l-ittra tar-reżenja.
12:32 Se nkomplu nisimgħu x-xhieda ta' Muscat hekk kif il-bord ta' inkjesta daħal lura fl-awla.
12:08 Il-bord issospenda s-smigħ għal 10 minuti.
12:07 Issa se jistaqsu l-mistoqsijiet tagħhom l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.
12:02 Muscat jibda jispjega fejn kien qiegħed dak il-ħin li nqatlet il-ġurnalista.
Qal li kienu qalulu li kien hemm splużjoni Burmarrad u malli wasal Kastilja, qalulu li l-isplużjoni kienet il-Bidnija. Ftit wara, Keith Schembri daħal fl-uffiċċju tiegħu u qallu li jekk ma jinvolvux lill-Amerikani, il-qtil qatt ma kien se jkun solvut.
Muscat kien qal lil Schembri biex jivolvu wkoll l-Unjoni Ewropea u l-Ingilterra.
12:01 "Jekk ngħid x'inhuma, ħadd ma jixtri ktieb," qal Muscat.
11:59 Il-bord staqsa dwar il-famuża frażi "żrara fiż-żarbun".
"Għandi ħafna aktar minnhom," qal Muscat bi tbissima fuq wiċċu.
11:58 Mhux se niġi hawn nakkuża lil ħaddieħor għall-iżbalji tiegħi, qal Muscat.
11:56 "Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu doers," qal Muscat.
11:55 Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsa dwar ir-riżenja ta' Muscat.
11:54 Muscat qal li meta ċ-Chief of Staff tiegħu kien arrestat għax Yorgen Fenech semmieh waqt l-investigazzjonijiet relatati mal-assassinju, "ma stajtx nibqa' Prim Ministru meta idi l-leminija ġiet arrestata."
11:51 Dwar Keith Schembri u l-kumpanija offshore tiegħu li fetaħ għax kellu problemi mal-BOV, Muscat qal li Schembri għamel żball li fetaħha.
11:51 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qabel mal-kliem ta' Muscat.
11:49 "Il-punt mhux li wieħed ikollu relazzjoni ma' negozjant, imma jekk ċertu affarijiet għandhomx isiru jew le f'dik ir-relazzjoni," qal Muscat.
11:46 "Waqt l-amministrazzjoni tiegħek kont konxju tal-livell ta' affinità bejn l-allegat moħħ wara l-qtil u ċertu politiċi?" staqsa l-bord.
11:43 "Jekk ċerti persunu ħasbu li setgħu jagħmlu xi ħaġa għax ħasbu li kelhom sens ta' impunità u ħasbu li ħadd ma sergħa jilħaqhom, kollha kienu fil-ħażin," qal Muscat.
11:41 L-unika "żballŻ li jista' jkun inkun akkużat għalih huwa li ma keċċejtx lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, qal Muscat.
11:40 Said Pullicino qal li dwar 17 Black ħadd ma kien qal li kien hemm konnessjoni fiż-żmien li kienu żvelati l-Panama Papers.
11:38 Muscat qal li l-punt ewlieni kien li hu kien qed ikun akkużat li qed jirċievi l-fus mill-kumpanija f'Dubaj u issa nafu li dawn huma separati.
11:37 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jrid tweġibiet dwar 17 Black.
11:35 "Diġà erfajt u nibqa' nerfa' r-responsabbiltà politika li jista' jkun għamilt ġudizzju politiku aħjar," qal Muscat.
11:33 "Il-Panama Papers kienu tsunami. Għamilt ġudizzju politiku – il-poplu ġġudikani fl-2017, inthom se tiġġudikawni, l-istorja se tiġġudikani," qal Muscat.
11:32 Muscat jirreferi għall-iSwiss Leaks.
11:32 "Jista' jkun li għamilt ġudizzju politiku ħażin," qal Muscat.
11:31 Il-bord qal li m'għandu xejn x'jaqsam ma' Mizzi u Schembri li t-tnejn kienu involuti fil-politika.
11:31 Muscat qed jevita milli jwieġeb b'mod dirett billi jgħid li kien hemm ċittadini oħrajn Maltin li ssemmew.
11:29 Said Pullicino qal: Imma l-Ministeri li taw ix-xhieda tagħhom qalu li meta hu ltaqa' magħhom individwalment, huma qalulu biex ikeċċi lil dawk imsemmija mal-Panama Papers.
11:27 Muscat ikkonferma li l-informazzjoni dwar il-Panama Papers ma ntremietx imma ammetta li s-sitwazzjoni setgħet kienet affaċċjata aħjar minnhu.
11:26 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qed jistaqsi xi mistoqsijiet.
11:25 Muscat qal li ma kienx konxju jew infurmat dwar il-patrols tal-pulizija madwar id-dar ta' Daphne wara l-elezzjoni tal-2017.
11:22 "Daphne kienet b'saħħitha iktar mill-kmamar kollha tal-aħbarijiet f'daqqa," qal Muscat.
Hu qed jispjega x'jaħseb li se jkun il-futur tal-midja. Sostna li l-ġurnali stampati dalwaqt ikollhom jitwaqqfu u dawk li joperaw fuq il-flus li jdaħħlu mir-riklami tal-gazzetti biex jiffinanzjaw il-pjattaformi online tagħhom mhux qed iħarsu lejn pjan fit-tul.
11:20 Il-bord qal li Daphne kienet ġurnalista investigattiva li kienet qed taġixxi waħedha, mingħajr l-ebda istituzzjoni li tipproteġiha.
11:16 "Ma jimpurtanix x'jgħidu n-nies dwari, imma t-tfal tiegħi x'għandhom x'jaqsmu?" qal Muscat.
"Jien favur il-ħelsien tal-kelma anke jekk inkun vittma ta' dan, imma persuni li mhux fid-dominju pubbliku m'għandhomx ikunu fil-mira," qal Muscat.
Hu rrefera għal dak li kiteb fuq il-midja soċjali meta t-tfal tiegħu għalqu 13-il sena. "Ma jimpurtanix li jgħidu li jien korrott għax naf x'jien u jien sigur bijja nniffsi. Imma t-tfal tiegħi għandhom jitħallew barra minn dan kollu għax l-unika tort tagħhom huwa li huma uliedi," qal Muscat.
11:13 "Il-ġurnalisti f'pajjiżna llum il-ġurnata għandhom għodda importanti f'idejhom: L-att tal-ħelsien tal-kelma li ra n-nefqa ta' flus kbar fiha, u t-tneħħija tal-libell kriminali," qal Muscat.
11:11 "Il-midja soċjali għandha tkun regolata kif ikunu regolati l-banek?" qal Muscat hu u jirreferi għal dak li qed ikun diskuss fuq livell internazzjonali.
11:10 Muscat qed jirreferi għall-irwol tal-ġurnalist u kif dan inbidel matul is-snin, minħabba l-pjattaformi tal-midja soċjali.
11:08 Il-Politiċi mingħajr il-midja ma jeżistux, u viċi-versa, qal Muscat.
11:06 "Relazzjoni ta' mħabba u mibgħeda" hija d-deskrizzjoni ta' Muscat għar-relazzjoni tiegħu mal-ġurnalisti.
Il-bord talab għal spjega.
11:05 Muscat qal li l-Panama Papers ħalliet impat fuq il-pajjiż, qal li dawn wasslu għal elezzjoni ġenerali f'Ġunju tal-2017.
11:01 "Kont konxju tal-konklużjonijiet tal-FIAU dwar 17 Black u l-Panama Papers? Kont konxju tal-parir tal-avukat ġenerali dwar l-investigazzjoni dwar Nexia BT?" staqsa l-bord ta' inkjesta.
"L-Avukat Ġenerali kien ta l-parir lill-Pulizija li jekk jissekwestraw is-servers ta' Nexia BT, ikunu invażivi," innota l-bord.
10:58 Qatt ma nvolvejt lili nniffsu fl-investigazzjonijiet immexxijja mill-FIAU qal Muscat.
10:55 "Il-Pulizija infurmawni fbl-investigazzjonijiet meta ħassew il-bżonn li jagħmlu dan."
Semma kif il-pulizija infurmawh li mhux qed jaqblu mal-Europol fuq il-mod li kellhom isiru l-investigazzjonijiet u Muscat kien tal-parir li jsegwu l-istruzzjonijiet tal-Europol.
10:54 "Lill-Pulizija qatt m'għidtilhom x'għandhom jagħmlu jew ma jagħmlux," qal Muscat.
10:53 Qal ukoll li hemm negozjanti oħra li għandu kuntatt magħhom.
10:52 Ikkonferma li f'din iċ-chat ma' Fenech kien ġieli jibgħat ritratti tal-ikel, inbid u whiskey iżda ċaħad li qatt għaddew ritratti ta' nisa bejniethom.
10:52 Ikkonferma li kellu chat ma' Yorgen Fenech.
10:50 Dwar Yorgen Fenech: "Iva konnha ħbieb u konnha nibgħatu l-messaġġi lil xulxin. Kont naf li kien ħabib ta' Keith Schembri. Mhux se ngħid li ma kontx nafu, għax bħalissa bħal qisu saret moda li wieħed jgħid li ma jafx min hu Yorgen Fenech," qal Muscat.
10:48 "Il-mara qaltli ; X'se nagħmlu dwar Vince Muscat? – jiena immedjatament waqaft nirċievi l-awgurju tan-nies u infurmajt is-servizzi sigrieti," qal Muscat.
10:45 Muscat qal li hu ltaqa' ma' Theuma f'Diċembru tal-2018 meta bħala Prim Ministru kien qed jagħti l-awgurju tal-Milied f'Kastilja, waqt avveniment li jsir kull sena.
Muscat qal li hu kien infurmat mis-Servizzi Sigrieti li ċertu Melvin Theuma – li diġà kien taħt investigazzjoni – kien se jmur jiltaqa' miegħu f'dan l-avveniment.
Muscat qal ukoll li Theuma u l-familja ġew jieħdu ritratt, u wara kien hemm żagħżugħa, bint Vince Muscat magħruf bħala "il-Koħħu".
10:43 "Qatt ma ltqajt ma' Yorgen Fenech privatament f'Kastilja. Iltqajt ma' orgen Fenech f'avvenimenti u tnedijiet. L-unika persuna li ltqajt miegħu darba biss huwa Melvin Theuma," qal Muscat.
10:42 "Meta l-isem tas-sid tal-kumpanija kien 17 Black, il-pressjoni naqset mhux żdiedet. Fattur interessanti," qal Muscat.
10:41 Muscat irrefera għall-affinita li l-kap tal-Oppożizjoni ta' dak iż-żmien kellu man-negozji u qal li dan ma jagħmlux ħażin.
"Hu ma kkuntattjahx b'WhatsApp għax dak iż-żmien ma kienx jeżisti, imma kkuntattja lil martu biex tikkuntattjah u tgħidlu dwar l-ajruplan privat," qal Muscat.
10:38 Hu u jirreferi għal meta John Dalli kien il-Libja, Qal li Fenech Adami kkuntattja li mart Dalli li ma kinitx taf fejn qiegħed. Fenech Adami infurmaha li kien se jibgħatu ajruplan privat tal-Grupp Tumas biex iġibu lura kemm jista' jkun malajr għax il-gvern kien se jivvota kontra l-eks Prim Ministru Alfred Sant.
10:37 Hu qal li qara l-awtorbijografika tal-eks Prim Ministru u President Emeritu Eddie Fenech Adami. Hu issa qed jikkwota mill-awtobijografija.
10:36 "Ix-xogħol u l-ġid komujni kienu l-ewwel interess tagħna," qal Muscat.
10:35 Qed issir referenza għal 17 Black.
Muscat al li biex il-gvern ikun ta' suċċess għandu bżonn relazzjonijiet tajbin mal-komunità tan-negozji. "Dan huwa fatt," qal Muscat.
10:34 Il-bord innota kif in-negozjant (Yorgen Fenech) ġie wisq qrib tal-politika u l-politiċi.
10:33 Issa qed jirreferi għal Keith Schembri bħala xi ħadd li kellu motivazzjoni u ċertu ħeġġa.
10:29 Muscat qal li jista' jkun li xi ħadd tema din il-frażi lil Scicluna u dan għamilha tiegħu.
10:27 Joseph Muscat qed jirreferi għall-frażi "kitchen cabinet" li semma Prof. Edward Scicluna waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-bord ta' inkjesta.
10:26 "Jien dejjem kont aċċessibbli imma qatt ma kkontribwixxejt biex nagħti lil xi nies is-sens ta' impunità," qal Muscat.
10:25 Il-bord staqsa jekk Muscat jaħsibx li r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2017 qanqalx sens ta' impunità qalb ċertu nies bħal Neville Gafà.
10:24 Hu qal ukoll li jrid li r-rapport finali mill-bord ta' inkjesta ma jkunx kontestat, u b'hekk qed jinsisti li dan il-mod ta' ħsieb huwa wieħed perikoluż.
10:23 "Dan il-mod ta' ħsieb huwa wieħed perikoluż," insista Muscat.
10:22 Fl-istess ħin li Muscat qed jagħti x-xhieda tiegħu, il-paġna ta' Facebook tiegħu qed tkun aġġornata b'xi tweġibiet li qed jgħaddi fil-Qorti.
10:21 Muscat qed jirreferi għal investgaturi tal-Pulizija fl-assassinju tal-ġurnalista. Hu qal li qed ikun irrappurtat li hemm aktar minn moħħ wieħed wara l-assassinju, u dan m'għandux ikun eskluż mill-bord ta' inkjesta.
10:20 "Ejja nassumu li l-ħsieb huwa li Daphne nqatlet minħabba dak li ppubblikat b'rabta mal-Panama Papers, l-Electrogas u dak li kienet bi ħsiebha tippubblika. B'hekk il-persuna li qed tkun akkużata diġà hija ħatja," qal Muscat.
10:19 "Nemmen li l-inkjesta għandha tiddependi fuq il-fatti u mhux fuq għajdut," qal Muscat.
10:17 Dwar Konrad Mizzi, Muscat qal li wara l-aħbar tal-Panama Papers talab lil Mizzi biex jirreżenja minn deputat mexxej tal-partit laburista u biddillu l-portafoll tiegħu bħala Ministru. "Wieħed ma jistax jgħid li ma ttieħdet l-ebda azzjoni," qal Muscat.
10:16 L-eks Prim Ministru jidher kunfidenti hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-bord ta' inkjesta.
10:15 Hu qal li ntefqu €2 miljuni għall-inkjesta Egrant. Reġa' insista li din kienet gidba.
10:13 "Għall-ewwel meta smajt l-aħbar li l-kumpanija hija ta' marti, onestament dħakt, imma mbagħad spiċċajt f'sitwazzjoni fejn kelli nistaqsi lil marti jekk fetħitx kumpanija offshore, imbagħad hi spiċċat tistaqsi lili u l-familja tagħna tistaqsina jekk il-kumpanija hix tagħna," qal Muscat.
10:12 Issa qed jirreferi għall-kumpanija sigrieta Egrant li kienet qed tkun rappurtata li hija tiegħu, imbagħad kien intqal li hija ta' martu.
10:10 Joseph Muscat spjega kif hu qatt ma kellu kont f'pajjiżi oħra. L-unika wieħed li kellu kien meta kien MEP fi Brussell.
10:09 "Emmnit dak li qalu Konrad Mizzi u Keith Schembri bħala spjegazzjoni wara l-kumpaniji offshore tagħhom," qal Muscat.
10:08 Dwar il-kumpanija sigrieta offshore ta' Keith Schembri, Muscat qal li Schembri infurmah li kellu problemi mal-bank u li kien ingħata parir biex jiftaħ kumpanija offshore.
10:07 "Ma naqbilx li dawk imsemmija fil-Panama Papers u fl-iSwiss Leaks għandhom intenzjonijiet kriminali"
10:04 Mistoqsi dwar il-Panama Papers, Muscat qabel li r-rivelazzjonijiet wasslu għal serje ta' avvenimenti.
10:02 Qatt ma għidt jew aġixxejt b'tali mod biex ninstiga mibgħeda jew vjolenza fil-konfront ta' Daphne Caruana Galizia, qal Muscat.
10:01 "L-ippuntar tas-swaba ma jagħmilx ġid u qatt ma kkontribwixxejt jew irreaġixxejt għal dan," qal Muscat.
09:59 Joseph Muscat qal li m'hemmx dubju li Daphne kienet waħda mill-aktar ġurnalisti/bloggers segwiti f'Malta u kienet kapaċi tippubblika artikli ta' klassi.
Qal ukoll li hu qatt ma rreaġixxa għall-posts tagħha meta kienet tippubblika gossip u mhux news dwaru u dwar membri tal-familja tiegħu.
"Qatt ma rreaġixxejt u persuni li kienu jkellmuni dwar dak li kienet tippubblika kont intihom il-parir biex jinjoraw," qal Muscat.
09:56 Il-bord staqsa lil Muscatg jekk kienx konxju ta' dak li kienet qed tikteb il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li uffiċjali mill-uffiċċju tiegħu (tal-Prim Ministru) kienu qed jiktbu posts u bloggs min-naħa tagħhom biex jisskreditawha. Il-bord hawn irrefera għall-blogg ta' Glenn Bedingfield u l-posts ta' Neville Gafà.
09:55 Il-bord se jibda jistaqsi l-mistoqsijiet tiegħu.
09:54 Il-bord talab għal kopja tad-dikjarazzjoni ta' Muscat.
09:53 "Qiegħed hawn lest biex inwieġeb għall-mistoqsijiet, imma ħassejt il-bżonn li nagħmel din id-dikjarazzjoni," qal Muscat.
09:52 Hu qed jakkuża lill-bord talli falla milli jirrappreżenta lill-Istat imma segwa l-gwida u staqsa mistoqsijiet li ddiskuta minn qabel mal-avukati tal-familja Caruana Galizia.
09:51 "M'hemmx ġustifikazzjoni għall-qtil u rrealizzajt mal-ewwel ftit sekondi li l-karriera politika tiegħi kienet se tkun immarkata minn dan l-assassinju," qal Muscat.
09:49 Muscat semma kif waqt il-karriera politika hu fetaħ biss tliet każi ta' libell.
09:47 Hu rrefera għaż-żmien meta kien ġurnalist u kien deskritt bħala "biċċa ġurnalist".
"Fil-perjodu tiegħi fil-politika, weġibt ħafna mistoqsijiet u ħallejt jgħaddu ħafna artikli u opinjonijiet libellużi," qal Muscat.
09:46 Hu rrepeta mill-ġdid li waqt il-perjodu li fih kien Prim Ministru, hu qatt ma ħa jew irċieva informazzjoni li ħajjet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet fil-periklu.
09:44 Hu qal li matul is-snin kien hemm diversi karozzi bomba, u każ wieħed biss kien solvut, "dak li ninsabu preżenti dwaru hawn illum."
09:44 Muscat qal li hu wasal għal din il-konklużjoni minn dak li segwa fuq il-midja.
09:43 "Il-livell ta' din l-inkjesta huwa wieħed baxx," qal Joseph Muscat.
09:41 Joseph Muscat qal li Daphne Caruana Galizia kienet ukoll kritika tal-partit fl-Oppożizzjoni meta hu kien Prim Ministru. Hu semma kif il-ġurnalisti għamlu wkoll allegazzjonijiet rigward l-Oppożizzjoni imma ma kinux skrutinizzati mill-bord ta' inkjesta.
09:41 L-Istat mhux il-gvern biss, imma jinkludi wkoll il-ġudikatura li ma kinitx skrutinizzata, qal Muscat.
09:40 "Saret eżerċizzju politiku," qal Muscat.
09:40 "L-inkjesta qed tfalli miżerabbilment," qal l-eks Prim Ministru Muscat.
09:39 Muscat qal li t-termini ta' referenza kienu diskussi wkoll mal-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
09:38 Muscat qal li hu ddiżappuntat li ċerti persuni li ntalbu jitilgħu jixhdu ma kellhom xejn x'jaqsmu mal-inkjesta. Kien aktar eżerċizzju ta' kurżita, qal Muscat.
09:38 Hu qed isemmi t-termini ta' referenza tal-inkjesta.
09:36 Muscat qal li d-dikjarazzjoni tiegħu hija dwar dak li ntqal matul il-perjodu tal-inkjesta. Muscat fakkar lill-bord dwar l-għan wara l-ħatra tagħhom minnu meta kien Prim Ministru ta' Malta.
09:34 Muscat qal li jrid jagħmel dikjarazzjoni qabel ma jibda bix-xhieda tiegħu.
09:33 L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jidħol fl-awla.
09:32 Il-bord ta' inkjesta jidħol fl-awla.
09:31 Ninsabu live minn awla 20.
09:31 Il-ġurnata t-tajba, merħba għal dan il-blogg.
Muscat, kien għadu kemm rebaħ it-tieni elezzjoni tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta meta fis-16 ta’ Ottubru tal-2017, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba. L-assassinju ħoloq xokk mhux biss fil-pajjiż, iżda internazzjonalment, b’diversi membri tal-midja minn madwar id-dinja jsiefru lejn Malta biex isegwu l-andament tal-investigazzjoni.
Muscat irċieva kritika kbira matul l-aħħar snin għall-mod kif irreaġixxa u ħadem b’rabta mal-qtil. Hu kien ipproteġa l-unur ta’ diversi persuni li ssemmew b’xi rabta jew oħra mal-qtil tal-ġurnalista jew b’involviment f’aġir korrott b’rabta mal-investigazzjonijiet tagħha. Dawn jinkludu l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi.
Għaldaqstant, fix-xhieda tal-lum, l-istennija hija li Muscat se jkun mistoqsi fost l-oħrajn dwar ir-relazzjoni tiegħu mas-sid tal-kumpanija offshore 17 Black, Yorgen Fenech u anke Keith Schembri. Fenech qed ikun akkużat b’kompliċita fl-assassinju tal-ġurnalista. Filwaqt li allegazzjonijiet li ħarġu matul l-aħħar xhur qed jimplikaw fost l-oħrajn li Schembri kien konxju tad-dettalji wara l-qtil minħabba l-ħbiberija tiegħu ma’ Fenech. Allegazzjonijiet li Schembri qal li mhux minnhom.
Minkejja xhur twal ta’ protesti għar-riżenja ta’ Muscat bħala ġest ta’ rfiegħ tar-responsabbiltà wara l-assassinju, Muscat refa’ r-responsabbiltà tal-iżbalji li saru f’Jannar ta’ din is-sena. Hu rreżenja mill-irwol tiegħu bħala Prim Ministru, riżenja li wasslet għall-elezzjoni ta’ Robert Abela f’dan l-irwol u żewġ reshuffles tal-Kabinett. Ftit tal-ġimgħat qabel ir-reżenja, Muscat kien ivvutat l-aktar persuna li avvanza l-kriminalità fid-dinja mill-Proġett tar-Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP).
Bħala l-eks Prim Ministru, u l-Prim Ministru li kien fil-poter meta seħħ l-assassinju, uħud mill-mistoqsijiet li jsiru lix-xhieda waqt l-inkjesta huma dwar Muscat u t-tmexxija tiegħu. Il-Bord qed jinvestiga jekk setax kien hemm kultura ta’ impunità fit-tmexxija li setgħet wasslet għall-qtil tal-ġurnalista jew affettwatu b’xi mod.
Il-mistoqsijiet jirrigwardaw ukoll l-iskandlu tal-Panama Papers, l-aġir tal-Gvern wara li nkixef dan l-iskandlu, 17 Black, ir-relazzjoni tal-politiċi ma’ Yorgen Fenech, u r-relazzjoni tal-politiċi ma’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġimgħa li għaddiet xehed l-eks Ministru Konrad Mizzi, li kien wieħed mill-Ministri msemmija fil-Panama Papers, żvelati f’Malta minn Caruana Galizia. Huwa għażel li ma jwiġibx għall-maġġoranza tal-mistoqsijiet billi għaddejjin inkjesti oħrajn fuqu. Wieġeb biss biex jgħid li hu ma rċeviex kickbacks mill-ebda xogħol tal-Gvern li wettaq.
Diversi persuni nġabru quddiem il-Qorti jistennew il-wasla ta’ Muscat bis-sinjali li ntużaw f’għexieren ta’ protesti fix-xhur li għaddew, qabel ma feġġet il-pandemija fil-pajjiż. Il-protesti li kienu jsiru f’diversi żoni fil-Belt Valletta, inkluż quddiem l-istess Qorti, kellhom jitwaqqfu ħesrem kawża tal-imxija tal-coronavirus li ħasdet mhux biss lil Malta, iżda lid-dinja kollha.