Joseph Muscat huwa kriminal internazzjonali – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li Joseph Muscat huwa kriminal internazzjonali. Dan il-kumment għaddih fil-kuntest ta’ rapporti li qalu li Steward Healthcare ppruvaw jikkonsolidaw kuntratti tal-Gvern f’pajjiżi oħrajn.

Dan qalu fid-diskors tiegħu waqt attivita politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija. Id-diskors tiegħu tal-lum kien iddominat mis-suġġett tal-akkwist pubbliku dwar il-bejgħ tal-isptarijiet Maltin. Dan wara li lbieraħ, il-Partit Nazzjonalista żvela rapport tal-evalwazzjoni tal-akkwist pubbliku.

Delia semma żewġ rapporti, wieħed mill-Maċedonja ta’ Fuq u ieħor mill-Albanija li tkellmu dwar il-konnessjonijiet li għandha Steward mal-eks Prim Ministru Malti.

Delia appella lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex juża l-poter tiegħu, ladarba Joseph Muscat m’għadux Prim Ministru, sabiex iwaqqaf il-kuntratt tal-isptarijiet u jinvestiga lil Joseph Muscat u dawk kollha involuti. Qal li dawn qed jisirqu l-miljuni minn ħalq il-Maltin, fosthom għexieren ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa u dawk soċjali.

Insista li xogħol il-Partit Nazzjonalista li jinsab fl-Oppożizzjoni, qed isir b’ħafna inqas riżorsi mill-Gvern.

Hu semma kif minkejja li l-Gvern għadda l-miljuni lil Vitals Global Healthcare, dawn baqgħu ma għamlu xejn. Eventwalment, ġiet minflokhom Steward Healthcare li sostna għamlet inqas minn kemm għamlet il-vitals. “Nisfida lill-Ministru għall-Finanzi, lill-Ministru għas-Saħħa u lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jiġu quddiem il-poplu u jgħidulna fejn marru l-flus,” insista Delia.

Jgħaddi kumment qasir dwar is-survey

B’referenza għas-survey tal-MaltaToday, fejn Delia ntqal li qed igawdi sapport baxx ħafna meta kkumparat ma’ snin oħrajn, Delia sostna li l-eħfef ħaġa meta wieħed jara hekk hija li jaqta’ qalbu u jitlaq. Irrimarka li meta s-sewwa jkun fil-qiegħ, irid juri li xogħolu huwa li jibqa’ jiġġieled mhux biex jirbaħ hu, imma biex tirbaħ Malta.

Kap tal-Oppożizzjoni maqtugħ minn dak li qed jiġri madwaru – PL

Intant, il-Partit Laburista qal li huwa ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab maqtugħ minn dak li għaddej madwaru għax qed jibqa’ jkun negattiv.

Qal li hemm differenza ċara wkoll bejn min iparla ħafna u min jaġixxi. Spjega li filwaqt li Adrian Delia mheddi jparla u jordna inkjesti barra fuqu nnifsu, il-Prim Ministru, mal-mument tal-ħatra tiegħu waqqaf kumitat biex jevalwa kuntratt mal-privat fil-qasam tas-saħħa biex b’hekk ikun assigurat l-aqwa interess tas-saħħa fil-pajjiż.