Aġġornata: “Joseph Muscat hu ostaġġ ta’ Gaffarena”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista u l-Kelliema għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia qalet li issa iktar minn qatt qabel hu ċar li Joseph Muscat hu ostaġġ ta’ Gaffarena.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, Comodini Cachia qalet li l-Prim Ministru ilu ostaġġ ta’ Gaffarena minn qabel l-elezzjoni ġenerali, meta ġie mwiegħed il-permess tal-pompa illegali tal-petrol.
Sfidat lill-Prim Ministru biex jgħid min, meta u fejn, qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, wiegħed lil  Gaffarena biex, malli l-Partit Laburista jieħu l-poter f’idejh, jinħareġ il-permess għall-pompa illegali tal-petrol f’Ħal Qormi.
Comodini Cachia saħqet li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jwebbes rasu u jistaħba quddiem ir-relazzjoni tiegħu ma’ Gaffarena.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-kelliem Ryan Callus u mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Mark Anthony Sammut.
Callus qal li l-Prim Ministru ma baqalu ebda triq oħra ħlief li jkeċċi lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon minħabba l-involviment dirett tiegħu fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Mark Anthony Sammut qal li aktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed toħroġ ċar id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja politiċi.
Reazzjoni Partit Laburista
Il-Partit Laburista qed jistaqsi meta sar jaf Simon Busuttil li Joe Cassar ingħata r-rigali.
Fi stqarrija, il-PL qal li mhux talli ma kkundanax lill-eks-Ministru li miegħu ħadem spalla ma’ spalla, u li kien l-uniku Ministru minn kabinett sħiħ li appoġġjah fit-tellieqa bħala Viċi Kap, iżda qal li qed jiddispjaċih li dan irriżenja.
Il-Partit Laburista saħaq li Simon Busuttil qed ikompli jirkeb fuq id-deċiżjoni li ħa Cassar, minkejja li sa lejliet stess li ħabbar ir-riżenja, stqarr li ma jarax għaliex kellu jieqaf minn Deputat Parlamentari.
Żied jgħid li jekk hawn xi ħadd hu ostaġġ, dan hu Simon Busuttil.
“Ostaġġ tal-Grupp Parlamentari tiegħu stess, li huma l-istess nies li servew taħt l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.