“Joseph Muscat għandu jżomm kelmtu u jerfa’ r-responsabbiltà politika”

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Roberta Metsola u Marthese Portelli qalu li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Roberta Metsola qalet li Joseph Muscat kien wiegħed li jkun l-aktar Gvern li juża fondi pubbliċi bl-aħjar mod, li jkun Gvern trasparenti u li jerfa’ r-responsabbilitajiet.
Enfasizzat li mir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta li kien hemm nuqqasijiet kbar fil-konfront tal-Gvern fosthom nuqqas ta’ tmexxija serja u għaqlija u abbuż ta’ poter.
Marthese Portelli tkellmet fuq nuqqasijiet li ħarġu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali fosthom kuntratt ta’ direct order b’€156 fis-siegħa b’total ta’ aktar minn 260,000 f’sena waħda u l-ispiża biex saret konferenza bl-istima tal-kuntrattur kienet iktar minn €3,000 u l-ħlas kien ta’ €12,000.
Marthese Portelli tkellmet dwar ħames vjaġġi ‘l barra mill-Ewropa li swew €29,000.
Roberta Metsola u Marthese Portelli sostnew li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu tmexxija serja kif qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’.